Il-ġenerożità tal-Maltin reġgħet spikkat waqt il-programm Xarabank fuq TVM nhar il-Ġimgħa li għaddiet meta nġabret is-somma ta’ €163,715 għall-Caritas Malta. Il-programm kien dwar il-ħidma tal-Caritas għar-riabilitazzjoni mill-użu tad-droga, u servizzi oħra li din l-organizzazzjoni tagħti lil nies fil-bżonn.
Din kienet ukoll wirja ta’ apprezzament lid-direttur tal-Caritas Monsinjur Victor Grech li nhar il-Gimgħa stess għalaq 83 sena. Dawk li ċemplu bid-donazzjonijiet tagħhom urew apprezzament għall-viżjoni u l-ħidma ta’ Monsinjur Grech biex jgħin persuni jaqtgħu l-użu ta’ droga llegali u jidħlu lura fis-soċjetà.
Il-programm Xarabank wera stejjer ikexkxu ta’ persuni li bdew jittaqqbu l-eroina sa’ minn età ta’ 11-il sena, persuni li ma setgħux jieqfu mid-droga minkejja li raw nies tal-familja jmutu b’oversdose, u t-tbatija ta’ ġenituri li raw lill-uliedhom jaqgħu vittma tad-droga. Matul il-programm ingħata messaġġ qawwi lit-tfal u ż-żgħażagħ biex ma jmissux droga, u lill-ġenituri biex ikunu għajnejhom miftuħa għal sinjali li xi ħadd fil-familja qiegħed juża d-droga.
Persuni li qegħdin jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni qalu li fattur komuni li jwassal għad-droga hija l-kumpanija ta’ ħbieb akbar fl-età. Huma saħqu li ma’ l-ewwel darba li persuna tmiss mad-droga, sew jekk pillola, karta, trab jew xort’oħra, ma tkunx tista’ żżomm lura u tieqaf. Dan biż-żmien iġib konsegwenzi ħorox bħal uġigħ kbir, paranoja, u ħsara fiżika f’ġisimha.
Huma wrew il-ħajr tagħom lill-Caritas Malta, fejn stqarrew li sabu min jifhimhom, imħabba u atmosfera ta’ familja li għenithom jaħfru u jerġgħu isibu lilhom infushom, u jitolbu maħfra tal-uġigħ li jkunu kkawżaw lill-dawk qrib tagħhom.
Matul il-programm, Monsinjur Grech fisser l-apprezzament tiegħu għall-ġenerożità tal-pubbliku li bid-donazzjonijiet kien qiegħed jirrifafferma l-għarfien tiegħu għax-xogħol tal-Caritas u jinkoraġġiha tkompli bil-ħidma tagħha ta’ riabilitazzjoni, u servizzi oħra lil persuni fid-diffikultà.