L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-marda tal-lebbra fi żmien Ġesù, u qablu, kienet marda li toħloq tbatija kbira lin-nies vittmi tagħha, għax kienet marda li kienet taqta’ lil min kien marid mis-soċjetà. Fil-fatt, rajna fil-Ktieb tal-Levitiku x’kellu jagħmel min kien marid bil-lebbra: li jżomm ruħu ’l bogħod min-nies, li jekk jara lil xi ħadd jersaq, jgħajjat “imniġġes, imniġġes” (Lev 13:45) biex dak li jkun ma jersaqx fil-qrib.
Għalhekk, kienet mhux biss marda kerha, imma wkoll kiefra għax taqta’ lil dak li jkun, teskludi mill-komunità. Naturalment, kien hemm skop għal dan – għaliex billi kienet marda li tittieħed, kien meħtieġ li wieħed iżomm ’il bogħod biex ma jitteħidx. Kienet miżura intenzjonata biex tipproteġi s-soċjetà. Imma l-konsegwenza ta’ dan kienet li min kien marid bil-lebbra kien jibqa’ emarġinat, f’ċerti każi għal għomru kollu.
Medd idu fuq u messu
Għalhekk jolqotna ħafna dan l-Evanġelju llum meta dan li kien marid bil-lebbra, minħabba l-fidi li kellu li Ġesù jfejqu, flok qagħad ’il bogħod min-nies kif suppost għamel, resaq lejh; flok għajjat b’kemm kellu saħħa li hu mniġġes biex Ġesù ma jersaqx, għajjat lil Ġesù biex ifejqu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Mk 1:40). U l-Evanġelju jgħid li Ġesù, flok ħarab u lebbet ’il bogħod kif kienu jagħmlu n-nies meta jiġu f’kuntatt ma’ lebbruż, “medd idu fuqu, messu (Mk 1:41).
Tolqotna ħafna din id-deskrizzjoni. F’mirakli oħra, Ġesù jgħid kelma u tkun biżżejjed. Niftakru l-ġrajja taċ-ċenturjun li kellu l-qaddej tiegħu marid ħafna, u lil Ġesù qallu li ma kienx hemm bżonn imur sad-dar tiegħu, imma biżżejjed jgħid kelma waħda. U Ġesù hekk għamel; lanqas mar sad-dar tiegħu, imma fejqu b’kelma mill-bogħod. Hawn seta’ għamel l-istess. Imma lil dan il-lebbruż, li suppost ma resaqx lejh, u assolutament b’ebda mod ma jmissu, Ġesù resaq lejh u messu. U fejqu.
Ifittex l-emarġinati
Dan hu miraklu li permezz tiegħu fieq il-lebbruż u li juri l-qawwa ta’ Ġesù biex ifejjaq. Imma Ġesù ried jagħti messaġġ importanti ħafna bil-mod kif għamel il-miraklu, messaġġ li jmur ‘lil hinn minn ġrajja partikulari. Ried juri li l-missjoni tiegħu kienet biex jasal għand dawk li kienu esklużi mis-soċjetà, dawk li għal xi raġuni jew oħra kienu emarġinati mill-komunità, biex jinkludihom.
Dan hu messaġġ li Ġesù jagħti kontinwament – bħal meta fittex lil nies li kienu maqtugħin mis-soċjetà, jew li għal xi raġuni jew oħra kienu mwarrbin. Hu ġie biex juri l-imħabba ta’ Alla lejn kulħadd, li ġie biex isalva ’l kulħadd. Ġesù ġie biex jinkludi fil-familja ta’ Alla lil dawk li kienu esklużi. Kien anzi jfittixhom u joħloq okkażjonijiet biex jiltaqa’ magħhom. Għax waħda mill-agħar esperjenzi tal-bniedem hi li jiġi eskluż, rifjutat, skartat.
Ġesù ried jgħaddi l-imħabba u l-attenzjoni tiegħu lid-dixxipli tiegħu, lil dawk li jimxu warajh, lill-Knisja tiegħu. Lilna lkoll li qegħdin hawn jitlob minna li f’ħajjitna nkunu nies li tassew inħobbu, u b’mod speċjali lil dawk li għal raġuni jew oħra jkunu esklużi fis-soċjetà. Li jkollna qalb bħal tiegħu li tħobb b’mod partikulari lil dawk imwarrba.
Min huma l-esklużi
Illum irridu nistaqsu: min huma l-esklużi fis-soċjetà llum? Insemmi xi wħud.
Jista’ jkun xi ħadd barrani, ta’ ġilda differenti, li spiċċa hawn Malta mingħajr l-aktar affarijiet essenzjali f’ħajtu u jsib ruħu emarġinat.
Jistgħu jkunu nies li baqgħu lura tort tal-ambjent li fih kibru, tfal żvantaġġjati li fil-familja qishom dejjem irċevew il-messaġġ li m’huma tajbin għal xejn u, għalhekk, jibqgħu esklużi fis-sistema.
Jistgħu jkunu nies waħedhom, li jħossuhom maqtugħin mill-oħrajn. Hawn tant nies li jgħixu waħedhom, li jħossuhom iżolati, li jixtiequ min jismagħhom, min b’xi mod jinteressa ruħu fihom. Jista’ jkun ukoll li qegħdin l-isptar, jew f’dar tal-anzjani, u ħadd minn tal-familja u mill-qraba ma jmur jarahom – u għalhekk iħossuhom imwarrbin.
U jistgħu jkunu nies li eskludew lilhom infushom mill-Knisja – għal raġuni jew oħra. L-attitudni tagħna qatt m’għandha tkun: aħjar għalihom! Għalina, dawk jibqgħu nies għeżież u qatt ma għandhom ikunu esklużi minn qalbna.
Nagħmlu l-ewwel pass
Hi missjoni li tolqot lill-Knisja kollha, imma lil kull wieħed u waħda minna personalment għax ġieli nkunu f’sitwazzjoni fejn nistgħu nagħmlu l-ewwel pass. Jekk nafu b’xi persuna li għal xi raġuni tħossha emarġinata, nagħmlu ħilitna biex inwasslu l-imħabba ta’ Alla lilha u ngħinuha tkun inkluża fil-komunità.
Nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-ispirtu ta’ mħabba tiegħu li nuruh fi kliemna, kif ukoll fl-azzjonijiet tagħna. Nitolbuh biex dejjem ikollna f’qalbna post għal kulħadd, u naħdmu biex ħadd ma jbati waħdu jew waħedha, biex ħadd ma jibqa’ bil-piż tal-ħajja mingħar ma jkollu l-appoġġ li jeħtieġ; u nkomplu naħdmu biex ma jkunx hemm persuni li jħossuhom emarġinati jew iżolati fil-komunità.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju