-
-
Membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), residenti u ħbieb tad-Dar tal-Providenza ħadu sehem f’ċelebrazzjoni ewkaristika fil-kappella tad-Dar biex jitfakkar it-30 anniversarju mill-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar fl-1965. Dun Mikiel, kif kien magħruf l-aktar, twieled fil-Belt Valletta fl-10 ta’ Frar 1910 u miet fit-13 ta’ Mejju 1987. Din l-inizjattiva tal-AKM bdiet 8 snin ilu u baqgħet issir kull sena.
F’messaġġ qasir minn Praga, fejn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, ħeġġeġ għal aktar talb biex il-Mulej ikompli jbierek din il-ħidma qaddisa tad-Dar kif ukoll biex il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Mons. Azzopardi timxi l-quddiem u jseħħ il-miraklu li jikkonferma l-qdusija ta’ dan is-saċerdot benefattur kbir tas-socjetà Maltija. Fr Martin qal ukoll li Malta u Għawdex jibqgħu rikkonoxxenti lejn l-Azzjonai Kattolika Maltija li ħolqot kif kien iħobb jgħid Dun Mikiel, “din l-oasi ta’ karità Nisranija”.
Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika tmexxiet minn Fr Reuben Gauci, Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK). Fl-omelija tiegħu, Fr Reuben qal li Dun Mikiel kien iħares lejn kull persuna b’imħabba kbira sew meta kien fil-qasam tal-edukazzjoni, imbagħad fl-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM) u fl-aħħar fid-Dar tal-Providenza.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, is-Sur Josef Debono, il-President tal-AKM iddeskriva id-Dar tal-Providenza bħala r-ruħ soċjali ta’ pajjiżna. Wara, dawk preżenti nġabru għal ftit ħin ta’ riflessjoni u talb madwar il-qabar ta’ Mons Azzopardi.
Is-sena li ġejja, id-Dar tal-Providenza se tkun qed tfakkar il-50 sena minn meta fil-11 ta’ Jannar 1968, il-Villa Mons. Gonzi laqghet l-ewwel residenti kif ukoll il-50 sena minn meta s-sorijiet tal-Karità bdew jagħtu s-servizz tagħhom lir-residenti tad-Dar.
-