“Monsinjur Mikiel Azzopardi, li llum fit-13 ta’ Mejju qed infakkru l-35 anniversarju tal-mewt tiegħu, se jibqa’ mudell għalina bl-imħabba li wera lejn dawk li għandhom diżabbiltà. Wera wkoll kuraġġ. Kuraġġ ta’ fidi tremenda fil-providenza ta’ Alla u d-Dar tas-Siġġiewi hi xhieda ta’ dan”. Dan intqal minn Mons. George Frendo O.P., Arċisqof Emeritu ta’ Tirana fl-Albanija, waqt quddiesa kkonċelebrata biex titfakkar il-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, li waqqaf id-Dar tal-Providenza fl-1965.
Assistew lill-Isqof Frendo, Dun Martin Micallef, Direttur, u Dun Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar tal-Providenza. Għaliha attendew ir-residenti u l-ħaddiema. Għal dawn l-aħħar sentejn, minħabba l-pandemija COVID-19 ma setgħetx issir din il-quddiesa kommemorattiva.
Fl-omelija tiegħu, Mons. Frendo indirizza wkoll lill-ħaddiema u qalilhom li l-ħidma tagħhom mhix sempliċiment impjieg imma hija verament missjoni u missjoni ta’ mħabba. Ħeġġiġhom li fil-wiċċ ta’ kull persuna residenti fid-Dar jaraw il-wiċċ ta’ Kristu u b’hekk il-ħidma mhix biss issir att ta’ karità imma l-ewwel u qabel kollox att ta’ fidi, fidi f’Ġesù li fl-Evanġelju qal lill-appostli tiegħu li hu t-triq li twassalhom għall-verità u l-ħajja.
Din kienet l-ewwel żjara uffiċjali fid-Dar tal-Providenza għal Mons. Frendo. Hu żar il-mużew dedikat lil Mons. Azzopardi kif ukoll ra b’għajnejh uħud mis-servizzi li toffri d-Dar fosthom il-pixxina terapewtika, iċ-ċentru agrikolu San Isidor, iċ-ċentru tal-katekeżi SPRED, kif ukoll il-kmamar multisensorjali.