Quddiesa fil-Knisja ddedikata lil Santa Marija ta’ Navicella fakkret il-15-il anniversarju mill-mewt ta’ Madre Teresa. Il-liturġija solenni kienet iċċelebrata mill-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-Kardinal Angelo Comastri li qal li “Madre Teresa ilha mejta 15-il sena, iżda l-memorja tagħha għadha ħajja, għax il-qaddisin dejjem iħalla marka. Kif darba qalet hi stess, li l-istorja hi l-inċineratur taa’ kull kburija. Hi kienet umli u hu appuntu minħabba f’hekk li għadha ħajja, bl-eżempju tagħha għadu jaffaxina lil kulħadd”.
Il-Kardinal Comastri fakkar li “l-eżempju ta’ Madre Teresa hu importanti mmens għall-Knisja tal-lum, speċjalment wara li l-Papa sejjaħ is-Sena tal-Fidi. Kull kriżi fi ħdan il-Knisja għandha għeruqha fi kriżzi ta’ fidi. Il-Papa qal dan f’ħafna okkażjonijiet u Madre Teresa rrepetietu ħafna”.
Fi tmiem il-liturġija, żewġ relikwarji kienu esposti b’relikwiji ta’ Madre Teresa li l-fidili setgħu iqimu.
Il-postulatur tal-kawża għall-kanonizzazzjoni tagħha, Fr Brian Kolodiejchuk qal li “qed nistennew miraklu qawwi u ċar bl-interċessjoni tagħha, anke jekk qed nistħarrġu għadd ta’ sinjali ta’ grazzja allegatament maqlugħa bl-interċessjoni tagħha”. Kien hawn li l-Postulatur appella sabiex min jgħaddi minn din l-esperjenza, jagħmel kuntatt miegħu sabiex jippreżenta l-każ għall-istħarriġ tal-kumitati xjentifiċi nominati apposta.
Illum, il-Missjonijiet ta’ Karita, li bdiet Madre Teresa ta’ Calcutta, jammontaw għal madwar 50,000 f’madwar 700 dar.