Fondazzjoni Nazareth u l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ huma ż-żewġ rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għas-snin 2021 u 2022.

Dan ħabbru Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt il-kunċert Vokali u Strumentali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt il-patroċinju distint tal-Arċisqof Charles Scicluna u t-tmexxija tad-Direttur Mużikali, il-Kaptan Jonathan Borg bi preżentazzjoni ta’ Pio Dalli.

Fi stqarrija ntqal li l-kunċert sar il-Ġimgħa, 2 ta’ Diċembru fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina b’risq id-Dar tal-Providenza fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabiltà li jiġi mfakkar fit-3 ta’ Diċembru.

Fr Martin qal li jemmen li l-impenn biex ikunu rrealizzati d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità mhix biss hija kwistjoni ta’ ġustizzja iżda wkoll investiment f’futur komuni. Minħabba l-pandemija, dawn l-aħħar sentejn kienu snin partikolari għal kulħadd u mhux inqas għad-Dar tal-Providenza. Minkejja dan, id-Dar baqgħet impenjata li tkompli ttejjeb dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u s-servizzi tagħha.

Din is-sena, ingħata taħriġ intensiv mill-Professur Ingliż Tony Osgood, espert fil-qasam tal-persuni b’diżabilità, lill-ħaddiema kollha tad-Dar. Fr Martin qal: “dan it-taħriġ kellu l-għan li ntejbu l-kwalità tas-servizzi li noffru. Miegħu u ma’ esperti oħra Maltin fil-qasam tal-persuni b’diżabilità smajna pariri li għandhom jgħinuna fl-istrateġija li nixtiequ nfasslu għall-ħidma tad-Dar fil-15-il sena li ġejjin.”

Il-Fondazzjoni Nazareth twaqqfet minn Dun Anġ Seychell fit-8 ta’ Settembru 1995 meta flimkien ma’ ħutu kienu taw id-dar tagħhom li kienet il-prekursur  għal djar żgħar oħra fil-komunita’. Din id-dar fejn twieled u għadu jgħix Dun Anġ Seychell fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel erba’ residenti. Il-ħsieb ta’ din il-Fondazzjoni intogħġob mill-ewwel tant li r-residenti ta’ Dar Nazareth żdiedu għal għaxar persuni u żdiedu wkoll  żewġt idjar oħra li issa jilqgħu tletin persuna bi bżonnijiet intelletwali u fiżiċi differenti.

Il-Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2021 ġie ppreżentat lill-President Emeritu, Marie-Louise Coleiro Preca, iċ-Chairman tal-Bord ta’ tmexxija ta’ Fondazzjoni Nazareth, minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

L-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ twaqqfet fl-1972 u din is-sena qed tfakkar il-50 anniversarju tagħha.  Din kienet l-ewwel għaqda volontarja għall-persuni nieqsa mis-smigħ f’Malta magħrufa wkoll bħala d-Deaf People Association Malta. Għaxar snin wara, fl-1982, twaqqaf il-klabb għall-persuni nieqsa mis-smigħ li serva biex dawn l-individwi jiffurmaw komunità.

Minn mindu nfetaħ il-klabb il-komunità tal-persuni nieqsa mis-smigħ kompliet tikber għax issa għandhom post sigur fejn setgħu jiltaqgħu informalment, jieħdu sehem f’attivitajiet għalihom u jużaw aktar il-Lingwa tas-Sinjali Maltija li kompliet tifjorixxi. L-Għaqda kienet strumentali biex il-Lingwa tas-Sinjali Maltija tkun rikonoxxuta mill-Parlament Malti bħala Lingwa Uffiċċjali kif ukoll biex jitjiebu s-servizzi tal-interpretazzjoni tal-Lingwa.

L-Arċisqof Charles Scicluna ippreżenta l-Premju Mons Mikiel Azzopardi 2022 lill-President tal-Għaqda Persuni Nieqsa mis-Smigħ, Ms Annabelle Xerri.

F’diskors tal-għeluq l-Arċisqof tkellem dwar it-talba tal-Innu Malti, lirika li ħarġet mill-pinna tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila bil-mużika ta’ Robert Samut. Huwa qal li fl-ewwel żewġ versi, Dun Karm fil-ġenju tiegħu, jesprimi s-sinifikat tal-isem ta’ pajjiżna u minnhom jagħmel talba u jsejjaħ lill-pajjiżna omm, l-omm li tatna isimha.

L-Arċisqof qal li t-talba ta’ Dun Karm hi l-awgurju tiegħu li waqt li qed niċċelbraw il-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilità, is-soċjetà Maltija tibqa’ soċjetà li turi hlewwa u ħarsien lejn dawn ħutna, li Malta tibqa’ tħaddan il-ħajja bid-diversità kollha tagħha u japprezza li kull ħajja mill-bidu tal-konċepiment sal-aħħar mument tagħha hija don.

L-Arċisqof Scicluna qal li bħal Dun Karm fit-talba tiegħu, nitolbu biex Alla jagħti d-dehen lil min għandu r-responsabilità tremenda li jieħu id-deċizzjonijiet li hemm bżonn jittieħdu u temm billi awgura li fil-Milied li ġej ikollna tassew biex niċċelebraw.

Dan il-Premju, li tnieda għall-ewwel darba fl-1955, jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l-kontribut ta’ persuni fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta w Għawdex kif ukoll persuni u entitajiet li jgħinu lid-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha.

Sors: Newsbook Malta