-
-
Catholic Voices Malta qed jingħaqad man-netwerk internazzjonali ta’ Catholic Voices li llum huwa mifrux f’21 pajjiż madwar id-dinja kollha. Dan wara taħriġ li ngħata lil madwar 25 persuna lajċi.
Dan il-grupp għadu kif temm programm ta’ taħriġ bl-għajnuna ta’ Catholic Voices UK. Il-grupp jinkludi avukati, min jieħu ħsieb id-dar, membri tal-professjoni medika, edukaturi, intraprendituri, social worker, periti u psikologi fost l-oħrajn.
Il-grupp iltaqa’ mal-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, li tkellem dwar il-bżonn li jinbeda djalogu mas-soċjetà Maltija, biex immissu l-qlub iktar milli nappellaw għall-intellett.
Catholic Voices Malta jilqa’ l-isfida li jagħmel il-Papa Franġisku lil-lajċi kollha: Quddiem il-kultura tal-lum tal-‘iskart’ u quddiem tant problem li qed ifeġġu fid-dinja, “Bħala Kattoliku jien nibqa’ gallarija? Le, ma nibqax inħares. Aqbad u idħol għaliha!”
Stħarriġ tal-opinjoni pubblika li saru dan l-aħħar juru li 94% tal-Maltin għadhom jidentifikaw lilhom infushom bħala Nsara. Catholic Voices jixtieq jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet u l-valuri tagħhom għall-aħjar ġid tas-soċjetà Maltija.
Kelliema minn Catholic Voices huma disponibbli biex jipparteċipaw fi programmi ta’ diskussjoni u aħbarijiet fuq it-televixin u r-radju, u forom oħra ta’ djalogu mas-soċjetà.
Catholic Voices se jibda wkoll serje ta’ korsijiet ta’ taħriġ fil-parroċċi biex il-Kattoliċi jkunu infurmati aħjar dwar il-messaġġ pożittiv u r-relevanza tat-tagħlim tal-Knisja fis-soċjetà tal-lum.
Il-proġett Catholic Voices beda fir-Renju Unit fl-2010 biex itejjeb il-mod kif il-Knisja kienet qed tiġi ppreżentata fil-midja, speċjalment fil-programmi tal-aħbarijiet u d-dibattiti, bi tħejjija għall-miġja tal-Papa Benedittu XVI fir-Renju Unit. Minn dakinhar il-proġett kotor b’ħafna modi u nfirex malajr madwar id-dinja. Apparti Malta hemm 20 grupp ieħor ta’ Catholic Voices fl-Ewropa, fl-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel, u fl-Awstralja.