Il-Ħadd 29 ta’ April, il-Knisja tiċċelebra Jum il-Vokazzjonijiet. Fil-messaġġ tiegħu fl-okkażjoni tad-49 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, il-Papa Benedittu XVI ħeġġeġ mill-qalb lil dawk kollha responsabbli fil-Knisja u fil‑qasam tal‑edukazzjoni taż‑żgħażagħ sabiex jagħtu attenzjoni speċjali lil dawk il‑membri tal‑komunitajiet parrokkjali, assoċjazzjonijiet u movimenti ekkleżjali li jħossu fihom sejħa għas‑saċerdozju jew għal konsagrazzjoni speċjali. Il-Papa qal li “huwa importanti għall‑Knisja li toħloq dawk il‑kundizzjonijiet li jippermettu liż‑żgħażagħ jgħidu ‘iva’ bi tweġiba ġeneruża għas‑sejħa t’Alla kollha mħabba”.
Għal din l-okkażjoni, fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, is-Seminarju tal-Arċisqof ħejja DVD resource pack bl-isem ‘Ejja Warajja’ li tqassam fil-parroċċi kollha u li jinkludi fost oħrajn: il-messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għad-49 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, 20 inizjattiva ta’ promozzjoni għall-vokazzjonijiet fil-parroċċi, għajnuna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa f’Jum il-Vokazzjonijiet u filmat b’esperjenzi ta’ diversi saċerdoti u seminaristi. F’dan il-filmat, ħames persuni jwieġbu l-mistoqsijiet l-aktar komuni li ż-żgħażagħ ikollhom dwar il-vokazzjoni saċerdotali. Il-filmat jinsab ukoll fuq il-YouTube Channel ‘MaltaSeminary’ u ‘KnisjaMalta’, u fuq il-Facebook page ‘The Church in Malta’. Ir-resource pack sar kollu mill-grupp tas-Seminarju ‘Missjoni u Vokazzjonijiet’, li huwa ffurmat minn ħames seminaristi.
Ir-rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof, Dun Jimmy Bonnici, wera t-tama li dawn l-għajnuniet għall-promozzjoni tal-vokazzjonijiet jgħinu sabiex aktar żgħażagħ jirrispondu b’ġenerożita għas-sejħa li l-Mulej qiegħed jiżra’ fil-qlub tagħhom.
Barra minn din l-iniżjattiva, numru ta’ seminaristi se jduru l-knejjes biex jappellaw għat-talb għall-vokazzjonijiet. Bħalissa fis-Seminarju tal-Arċisqof hemm 30 seminarista Malti u żewġ seminaristi mill-Vjetnam.
AGĦFAS HAWN biex tniżżel il-ktieb ta’ għajnuniet għall-promozzjoni vokazzjonali ‘Ejja Warajja’.