Nhar il-Ħadd, 31 ta’ Ottubru 2010 jiġi ċċelebrat JUM IL-BIBBJA fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u fid-Djoċesi ta’ Għawdex. It-tema magħżula għal din is-sena huma l-kliem ta’ barka meħudin mill-Bibbja mill-Ktieb tan-Numri, Kapitlu 6:
Ibierkek il-Mulej u jħarsek!
Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek,
u jurik il-ħniena!
Iħares lejk il-Mulej bi mħabba,
u jagħtik is-sliem!
Din hi l-Kelma ta’ Alla li l-Għaqda Biblika qed tipproponi lill-poplu Malti u Għawdxi. Hi Kelma ta’ Alla li timla l-qlub bil-faraġ, bit-tama u bl-imħabba.
F’messaġġi li stampat biex jitqassmu fid-djar, fl-iskejjel u fil-parroċċi, l-Għaqda Biblika Maltija spjegat li din it-tema hi stedina biex aħna l-insara nħallu l-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja taħdem f’ħajjitna. Dan nistgħu nagħmluh biss billi naqraw il-Bibbja b’mod regolari u b’fedeltà lejn il-messaġġ li trid twasslilna.
Għal din l-okkażżjoni l-Għaqda Biblika stampat fost affarijiet oħra ktejjeb bl-isem “Alla Jwiegħdek” li fih ġabra ta’ wegħdiet li jagħmel Alla lilna l-bnedmin fil-Bibbja. Kopji jistgħu jinkisbu mill-Għaqda Biblika.
Fid-dinja hawn 6,000 lingwa li 3,000 minnhom għad m’għandhomx anqas kelma waħda tal-Bibbja tradotta fl-ilsien li bih jitkellmu. Fid-dinja hawn ukoll 6 biljun persuna li 3 biljun minnhom għad m’għandhomx kopja tal-Bibbja. Malta pajjiż żgħir u bil-lingwa tiegħu, u ilna ngawdu l-Bibbja fl-ilsien tagħna għal snin twal.
L-Għaqda Biblika tħeġġeġ lill-insara Maltin u Għawdxin biex jingħaqdu fl-evanġelizzazzjoni li kull nisrani hu msejjaħ li jagħmel. Qabel kollox bit-talb għall-ħidma madwar id-dinja li ssir favur il-Kelma ta’ Alla u wkoll billi jgħinu lill-Għaqda Biblika finanzjarjament biex il-popli li m’għandhomx il-Bibbja jista’ jkollhom traduzzjoni għalihom.
Se ssir ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, b’kant u qari mill-Bibbja nhar is-Sibt, 30 ta’ Ottubru 2010 bejn is-6.00 u s-7.15 p.m. fil-Knisja St Andrew’s Scots Church, South Street, Valletta – kulħadd mistieden biex jattendi.
Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja lill-Għaqda Biblika Maltija, Dar il-Bibbja, 62 Triq il-Miratur, Floriana, telefon 21220318 bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mid-0900 sas-1300 u mis-1400 sal-1700; email: [email protected] – www.maltabible.com