Issib min jinsisti li l-kelma ‘Ħolqien’ ma għandhiex tintuża fil-vokabularju modern, iżda li għandna nużaw flokha l-kelma ‘ambjent’. Il-ħsieb huwa li jekk taċċetta l-kelma ‘Ħolqien’, allura qed taċċetta l-idea li jeżisti xi Ħadd li ħoloq dan il-kobor ta’ madwarna…li jeżisti Alla. Fid-dinja sekulari tal-lum donnu li nagħmlu minn kollox sabiex inbiegħdu anke l-ħsieb tal-Ħallieq, allura rridu anke nbiddlu l-vokabularju.
Għall-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, is-sitwazzjoni hija bil-maqlub. Għan-Nisrani u min jemmen fil-preżenza ta’ Alla, tiġih naturali li jirreferi għar-riżorsi ambjentali ta’ madwarna, għall-arja, għall-ilma, u għas-smewwiet kollha kemm huma ta’ fuq rasna, bħala l-ĦOLQIEN. Iżda sfortunatament dan mhux biżżejjed. In-Nisrani (ta’ veru u mhux tal-isem), irid jaċċetta wkoll li dan l-istess ĦOLQIEN, jekk huwa maħluq minn Alla, anzi jekk il-preżenza kontinwa tiegħu tiddependi fuq din il-qawwa li tinstab kullimkien u li permezz tagħha tiċċaqlaq kull werqa, u tevolvi kull stilla fis-smewwiet, allura jkollu jaċċetta wkoll ir-responsabbiltà sabiex jindokra lil dan il-ĦOLQIEN. Jekk bħala Nisrani trid tidħol f’kollaborazzjoni ma’ Alla, dan trid tagħmlu l-ewwel u qabel kollox permezz tal-ĦOLQIEN tiegħu.
Bla ebda dubju, il-Knisja damet sew biex sabet leħinha sabiex turi bil-fatti, kif ukoll bit-tagħlim tagħha, din il-verità. Iżda aħjar tard milli qatt. F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, il-papiet kważi ma qatgħu qatt jisħqu fuq il-bżonn li n-Nisrani juri l-imħabba tiegħu lejn Alla, billi jirrispetta l-ĦOLQIEN u billi jaddotta stili ta’ ħajja kompatibbli ma’ żvilupp sostenibbli fejn ir-riżorsi ambjentali nużawhom bis-sens u bil-qies… jiġifieri b’mod sostenibbli.
Il-Knisja f’Malta saret tiċċelebra JUM IL-ĦOLQIEN fl-4 ta’ Ottubru (Festa ta’ San Franġisk) u daħħlet dan il-jum b’mod uffiċjali fil-Kalendarju Djoċesan f’dawn l-aħħar snin. Dan il-jum għandu jkun okkażjoni sabiex kull Nisrani f’dawn il-gżejjer jieqaf ftit, u jirrifletti jekk huwiex qiegħed ipoġġi fil-prattika l-imħabba tiegħu u l-kollaborazzjoni tiegħu mal-Pjan tal-Ħallieq, billi jaddotta stil ta’ ħajja aktar sostenibbli. Infatti anke l-istess Knisja f’Malta għad fadlilha baħar sħiħ x’taqsam sabiex tibda tagħti xhieda ta’ din il-verità. Iżda jidher li bdejna. Irid jasal żmien, fejn kull membru prattikant tal-Knisja jħossu qed jaqdi dmiru bħala Nisrani jekk jibża’ għall-ambjent, u jekk juri dan bil-fatti. Irridu nammettu li din il-verità aktar tinħass b’mod evidenti fi knejjes Luterani, Ortodossi u Protestanti, speċjalment fil-pajjiżi ta’ fuq tal-Ewropa. F’dawn il-knejjes, mhux l-ewwel darba li wara l-altar, jew f’xi post ieħor prominenti fil-knisja, ikollhom wirjiet favur l-ambjent, dwar il-bdil fil-klima, u dwar temi ambjentali li f’Malta nassoċjawhom biss ma’ ċerti għaqdiet ambjentali.
Hawn Malta għad issib diversi Nsara, kif ukoll qassisin u anke kappillani, li għad għandhom diffikultà sabiex jassoċjaw lill-Knisja u l-istess ħidma pastorali tagħhom, mal-ħidma favur l-ambjent u favur l-iżvilupp sostenibbli. F’pajjiż ċkejken bħal Malta, b’densità ta’ popolazzjoni għolja immens, b’limitazzjonijiet kbar ta’ riżorsi ambjentali bħall-ilma, arja nadifa, ħamrija tajba mingħajr tniġġis, art bla bini, xtut u abitati tal-madwar bla minsusa mill-bniedem, b’bijodiversità limitata, il-Knisja żgur li ma tistax tonqos minn dmirha lejn il-ĦOLQIEN. It-triq hija twila…. iżda għad naslu. Il-Knisja trid tkun kapaċi bit-tagħlim tagħha u bix-xhieda li tagħti f’kull għażla li tagħmel, tassumi rwol ta’ tmexxija u ta’ sensibilizzazzjoni fil-qasam ta’ żvilupp sostenibbli u ħarsien tal-ambjent f’dawn il-gżejjer. U dan trid tagħmlu llum qabel għada għax imbagħad jista’ jkun tard wisq. L-esperjenza ta’ dawn is-snin għallmitna li ma nistgħux inħallu f’idejn il-politiċi biss, u lanqas f’idejn l-awtoritajiet kompetenti. Mingħajr sens morali u etiku li n-Nisrani għandu jħoss lejn il-ĦOLQIEN, ftit jista’ jkollna titjib fil-kwalità ta’ ħajja u fl-ambjent f’dawn il-gżejjer.