-
-
Għandi bżonnok…
Għal snin twal u f’setturi differenti tal-ħajja tagħna, il-Knisja f’Malta kienet pijuniera fl-għajnuna lill-batut, lill-abbandunat, lill-emarġinat, lil dak li waqa’ u biex iqum u jkompli miexi kellu bżonn isib id li tgħinu, twennsu u tagħtih l-għodda biex ikompli l-vjaġġ ta’ ħajtu b’pass aktar sod.
Kienet pijuniera fil-ftuħ ta’ djar għal persuni b’diżabbiltà, għal djar li jilqgħu fihom tfal abbandunati, għal Djar tal-Anzjani, għal organizzazzjonijiet b’diversi servizzi speċjalizzati bħalma hi l-Caritas bid-diversi servizzi li toffri, u s-Segretarjat Assistenza Soċjali, għal Djar li jilqgħu fihom żgħażagħ bi problemi, u għal organizzazzjonijiet oħra li joffri diversi servizzi ta’ counselling u servizzi oħra ta’ appoġġ, fosthom mal-ħabsin u mar-refuġjati.
Dawn is-servizzi, safejn huwa possibbli, il-Knisja toffrihom lis-soċjetà Maltija bla ħlas. Imma bla ħlas ma jfissirx b’xejn, kif kultant nużaw il-kelma meta nitkellmu. Għax l-ispejjeż, meta wieħed jikkonsidra li dawn is-servizzi jingħataw kollha b’mod professjonali minn persuni speċjalizzati fil-qasam tagħhom, mhumiex ftit.
-
-
-
Il-Knisja hija kuntenta li llum, minkejja li l-ispejjeż żdiedu u jibqgħu jiżdiedu, għadha toffri dawn is-servizzi fi 12-il dar tat-tfal b’150 tfal, 4 djar għall-persuni b’diżabilità b’103 residenti, 14-il dar tal-anzjani b’726 anzjan/a fosthom id-dar tal-Kleru, 14-il dar residenzjali għall-immigranti fejn jgħixu madwar 400 persuna, is-Segretarjat Assistenza Soċjali jaħdem mal-familji fil-bżonn fil-parroċċi u permezz tas-servizzi tal-Caritas għandha djar tar-rijabilitazzjoni kontra l-abbuż tad-droga, kif ukoll servizzi fil-parroċċi, counselling unit u servizzi oħra għal persuni li nqabdu bl-użura u l-vizzju tal-logħob. Dawn is-servizzi l-knisja tixtieq tibqa’ tagħmilhom għax dik hi l-missjoni tagħha.
Hu proprju għalhekk li, darba f’sena, iddur fuq in-nies u titlobhom l-għajnuna. Biex tkun f’pożizzjoni li tiftaħ il-bieb beraħ lil kull min iħabbat biex jitlob wens u faraġ.
Għalhekk, konvinta mill-ġenerożità indiskutibbli tal-poplu Malti, qed tfakkar li nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin, 18 u 19 ta’ April, il-ġbir waqt il-Quddies kollu f’kull parroċċa ta’ Malta, se jmur għal dan il-għan. Fid-djar waslu wkoll envelopes fejn wieħed jista’ jagħmel id-donazzjoni tiegħu u jibagħtu bil-posta kif ukoll tista’ ssir donazzjoni ta’ €6.99 permezz ta’ sms fuq 50618997. Il-Knisja qed twiegħed li kull ċenteżmu li jinġabar, se troddu lura f’servizz ta’ għajnuna lil kull min jiġi bżonn xi wieħed mis-servizzi li toffri.
F’isem il-persuni li jibbenefikaw minn dan il-ġest ta’ solidarjetà, tirringrazzja minn issa lil kulħadd għal kull offerta li jagħti, żgħira jew kbira.