-
-
Il‑Knisja f’Malta ser tfakkar Jum il‑Karità nhar il‑Ħadd, 30 ta’ April 2017. Għal dan il‑għan, fi tmiem din il-ġimgħa ser isir ġbir fil-knejjes kollha waqt il-Quddies tas‑Sibt filgħaxija u tal‑Ħadd.
Permezz tal‑flus miġbura ser jiġu megħjuna diversi persuni li jirrikorru għall-għajnuna fid-djar jew fl-entitajiet tal‑Knisja f’Malta. Il-persuni li ser jibbenefikaw mid-donazzjonijiet huma t-tfal u ż-żgħażagħ li fit‑trobbija tagħhom sabu ruħhom f’diffikultajiet serji, il‑persuni li għaddejjin minn vjolenza domestika, il‑persuni b’diżabbiltà, l‑immigranti u r‑refuġjati, l‑anzjani, il-familji fil‑bżonn, in‑nisa li jaqgħu fil‑prostituzzjoni u l‑persuni li jaqgħu fil‑vizzju ta’ droga, u dawk bla dar fejn joqogħdu.
B’dawn id-diversi djar u ħidmiet ta’ karità, il‑Knisja f’Malta tilqa’ u taqdi lill‑ħutna fil‑bżonn, irrispettivament mir‑razza, kulur tal‑ġilda, jew twemmin. B’hekk il-Knisja tassigura li l‑Bxara t‑Tajba tasal għand kull bniedem, mhux biss bil‑predikazzjoni iżda wkoll b’ħidma konkreta, kif jisħaq kemm‑il darba l‑Arċisqof Charles J. Scicluna. Kull offerta miġbura mill‑parroċċi u anke permezz tal‑magażin ‘Flimkien’, hija wkoll apprezzament lejn dawk l‑impjegati u l-voluntiera li jagħtu servizz f’waħda mid‑djar ta’ karità tal‑Knisja.
Il-flus li jinġabru ser jitqassmu fost dawn l‑entitajiet: Caritas, Dar tal‑Providenza, Djar tat‑Tfal, Djar tal‑Anzjani, Kummissjoni Emigranti, Laboratorju tal‑Paċi, Jesuit Refugee Service, St Jeanne Antide Foundation, Segretarjat Assistenza Soċjali, Millenium Chapel, Paolo Freire Insititute, Dar Merħba Bik, Dar Qalb ta’ Ġesù, Dar Osanna Pia, Dar Frate Jacoba, Djar Suret il‑Bniedem.
Jum il‑Karità qed isir b’inizjattiva tas‑Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità, fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Bil-għan li jikber l-għarfien dwar din ir-realtà, is-Segretarjat ħejja wkoll filmat li qed jixxerred fuq is-social media, dwar id-diversi ħidmiet ta’ karità li l-Knisja hi impenjata fihom.