Nhar il-Ġimgħa 15 Frar 2013, l-Arċisqof iċċelebra quddiesa għal Jum il-Lajċi, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.
“Għalkemm aħna midinbin, imma aħna wkoll midinbin f’mixja għax Alla permezz ta` Ġesù, iħeġġiġna kontinwament biex nersqu lejh u nduqu l-maħfra tiegħu. Dan joħroġ ċar ħafna mill-Kelma ta’ Alla u għalhekk ikun nuqqas kbir meta n-nisrani jiddubita mill-maħfra t`Alla.”
Dan kien il-bażi tal-messaġġ ta’ Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona O.P. fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, waqt li huwa mexxa Għasar Solenni fl-okkażjoni ta’ Jum il-Lajċi għal din is-sena.
L-Arċisqof semma diversi personaġġi Bibliċi li dinbu iżda għax daru lejn Alla b`qalb sogħbiena, irċevew il-maħfra t`Alla. San Pietru wara li ċaħad lil Kristu tlett darbiet, beka, u l-Mulej ħafirlu u għażlu bħala s-suċċessur tiegħu fuq din l-art. L-istess sar fil-każ ta` Marija ta` Magdala li minna Ġesù keċċa seba` xjaten. Marija bkiet u Ġesù ħafrilha u saħansitra taha l-grazzja li tkun hi l-ewwel persuna li tħabbar lill-Appostli li Ġesù qam mill-mewt. L-Appostlu San Pawl fi triqtu lejn Damasku kien sejjer jippersegwita lill-insara. Dawl qawwi għamieh u Ġesù nnifsu urieh li kien jinsab fit-triq il-ħażina. Wara tlett ijiem fil-għama fejn Pawlu umilja ruħu quddiem Alla, kiseb id-dawl kemm għax reġa` sar jara kif ukoll għax beda miexi fit-triq it-tajba fejn Ġesù nnifsu għaddielu bosta tagħlim fiż-żmien li l-Appostlu Missierna qatta` fid-deżert tal-Arabja.
Mons. Cremona ħeġġeġ li l-insara għandhom juru ta` solidarjeta` għal xulxin billi jgħinu lil xulxin, jersqu lejn Alla bħala midinbin u jinfetħu għall-grazzja u l-ħniena tal-maħfra tiegħu. Id-dnub ma jfixkilx lil Alla biex jaħfrilna, imma s-suppervja fil-qlub tagħna timblokka l-maħfra ta` Alla. Hu xebbaħ il-mixja ta` konverżjoni tal-midneb ma` għanqbuta f`kamra fejn Alla jibda billi jagħtina bozza żgħira ħalli naraw l-għanqbut l-aktar viċin tagħna u nneħħuh. Imbagħad jagħtina bozza akbar ħalli ineħħu l-għanqdut li jkun aktar il-bogħod, sakemm fl-aħħar inkunu neħħejna l-għanqbut kollu u nitnaddfu kompletament permezz tal-grazzja tiegħu, temm jgħid l-Arċisqof.
Fiċ-ċelebrazzjoni organizzata mis-Segretarjat għal-Lajċi flimkien mas-Segretarjat għal-Liturġija, ħadu sehem ukoll l-Isqof Awżiljaru u Vigarju Ġenerali Mons. Charles Scicluna, l-Arċisqof Emeritus Mons. Ġużeppi Mercieca u diversi kappillani u saċerdoti. Mons. Cremona kien assistit mill-ProVigarju Mons. Anton Gouder u minn Mons. Lawrenz Mifsud.
Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]