F’Ħadd il-Palm, 17 ta’ April, 2011, id-djoċesijiet madwar id-dinja ser ikunu qiegħdin ifakkru Jum iż-Żgħażagħ. Hekk ukoll il-Knisja f’Malta, li ilha tiċċelebra dan il-Jum sa minn mindu kien imwaqqaf minn Papa Ġwanni Pawlu II fl-1984.
Din is-sena, iċ-ċelebrazzjonijiet qed ikunu organiżżati mill-Parroċċa ta’ San Ġwann. L-attività tibda bit-tberik tradizzjonali tal-Palm fil-Kappella ta’ Santa Margerita, 5:40pm. Iż-żgħażagħ, imbagħad, se jimxu proċessjonalment sal-Knisja Parrokkjali fejn tiġi ċċelebrata quddiesa flimkien mal-Arċisqof Pawl Cremona O.P.
Jum iż-Żgħażagħ huwa kkoordinat mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ f’kollaborazzjoni mal-komunità ta’ żgħażagħ Axon u s-servizz mużikali RiSe. Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok ibgħat email lil [email protected].