-
Nhar il-Ħadd 4 ta’ Frar 2018, il-Papa Franġisku għamel stedina għal ‘Jum ta’ talb u sawm għall-paċi’ fit-23 ta’ Frar 2018. Il-Papa qal hekk waqt l-Anġelus:
“Quddiem is-sitwazzjoni traġika ta’ kunflitti li għadhom għaddejjin f’diversi nħawi tad-dinja, nistieden lill-fidili kollha għal ‘Jum ta’ talb u sawm għall-paċi’ fit-23 ta’ Frar li ġej, il-Ġimgħa tal-ewwel ġimgħa tar-Randan. Noffruha b’mod partikolari għall-popolazzjonijiet tar-Republika Demokratika tal-Congo u tas-Sudan ta’ Isfel. L-istess bħal f’okkażjoniet simili, nistieden ukoll lill-aħwa mhux Kattoliċi u mhux Insara biex jingħaqdu ma’ din l-inizjattiva bil-mod li jidhrilhom l-aħjar, imma lkoll flimkien.
Il-Missier tagħna tas-sema dejjem jisma’ lil uliedu li jsejħulu fin-niket u d-dieqa ta’ qalb, ‘ifejjaq il-qlub maqsuma u jdewwi l-ġrieħi tagħhom’ (Salm 147, 3). Nagħmel appell minn qiegħ qalbi biex aħna wkoll nisimgħu dil-karba, u kull wieħed minna, fil-kuxjenza tiegħu, quddiem Alla, jistaqsi: X’nista’ nagħmel jien għall-paċi? Żgur li nistgħu nitolbu; imma mhux biss: kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu ‘le’ għall-vjolenza safejn din tkun tiddependi minna. Għax ir-rebħiet miksubin bil-vjolenza huma reħbiet foloz; filwaqt li l-ħidma għall-paċi tagħmel tajjeb lil kulħadd!”
Għalhekk il-Kurja tal-Arċisqof tħeġġeġ lill-komunitajiet kollha tal-Arċidjoċesi biex jilqgħu din l-istedina tal-Papa għal nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2018.