L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ippermettili nsellimlek, għażiż President tar-Repubblika, Sinjura Vella, Onor. Ministru u personalitajiet distinti. Insellem lilek, għażiż Kummissarju, l-uffiċjali għolja kollha tal-Korp, il-membri tal-Korp, ukoll grupp sabiħ ta’ rekruti insellmilkom u nawguralkom f’dan il-jum. I would like to greet the members of our diplomatic corps. Thank you for your kind presence this morning at St John’s Co-Cathedral, as we pray and support our police corps.

Ippermettuli naqsam magħkom ħsieb qasir ispirat mill-ewwel qari, li wieħed minnkom qralna dalgħodu mill-ktieb tal-Ġenesi, u li jirrakkonta silta mir-rakkont epokali ta’ Ġużeppi, it-tifel ta’ Ġakobb jew Iżrael, li jinbiegħ minn ħutu minħabba l-għira u mbagħad isib ruħu fl-Eġittu. Isir bniedem ta’ qawwa kbira fl-Eġittu u jsalva l-Eġittu mill-karestija u mill-ġuħ. Bil-għaqal tiegħu li ħażen għal meta jkun hemm bżonn, mhux biss imantni l-Eġittu, skont in-narrattiva tal-ktieb tal-Ġenesi, imma jgħin ukoll lill-missier u ’l ħutu li xtaqu li jmut. U meta missierhom jibgħathom fl-art tal-Eġittu biex iġibu l-qamħ, imorru għand dan il-gvernatur Ġużeppi li ma kinux jafu li hu ħuhom, li huma xtaquh mejjet imbagħad biegħuh għall-flus. Huma jitkellmu bejniethom – qed jismagħhom u qed jifhem għax hu ħuhom – imma għadhom m’għarfuhx.

Nafu wkoll li meta l-għajta ta’ ħutna nittarrxu għaliha, il-konsegwenzi tal-ħruxija tal-qalb tagħna jiġu fuqna u ma nkunux nistgħu naħarbu minnhom. Il-Mulej iħenn imma jitlobna wkoll li nuru ħniena ma’ ħutna.

U hemm xi ħaġa qawwija, li ħin minnhom, u din iġġagħalna naħsbu, huma jirrealizzaw li dak li waqa’ fuqhom forsi kien effett ukoll tal-qalb iebsa tagħhom. Imma nixtieq nieħu l-ispunt biex nagħmlilkom kuraġġ. Ħutu, quddiem Ġużeppi mingħajr ma jafu li qed ikellmu lil xulxin bil-lingwa li hu seta jifhem, għalkemm kien hemm interpretu għax mingħalihom li hu Eġizzjan, jgħidu ’l xulxin: “Tassew aħna ħatja kontra ħuna”. Wara kollox riduh maqtul, imbagħad Ruben qabeż għalih, u Ġuda ġietu l-idea li jbigħuh u jagħmlu l-flus minn fuqu u ’l missierhom qalulu li qatlu annimal feroċi. “Għax aħna rajna d-diqa ta’ qalbu hu u jitlobna l-ħniena ma tajniehx widen għalhekk ġie fuqna dan il-għawġ” (Ġen 42:21).

B’xi mod hemm sens kbir ta’ ġustizzja f’dawn in-nies inġusti. L-għira ġagħalithom biex lil ħuhom iriduh l-ewwel mejjet, imbagħad għamlu l-flus minnu u biegħuh biex ikun skjav. U tqanqalna dik id-diqa ta’ qalbhom meta jirrealizzaw x’għamlu. “Aħna rajna d-dieqa ta’ qalbu”, ta’ dan ħuna mibjugħ bħala skjav; hu jitlobna l-ħniena dan iż-żagħżugħ li kienu jafu x’se jiġri minnu, “ma tajniehx widen”. U jirrealizzaw ukoll li meta aħna qalbna tixrief hemm il-konsegwenzi. U “għalhekk ġie fuqna dan il-għawġ”.

Il-Mulej jagħtikom id-dawl biex l-għajta għall-ġustizzja tisimgħuha u ma ttarrxu widnejkom qatt għaliha.

Għeżież membri tal-korp tal-pulizija, jiena nawguralkom li meta tisimgħu l-għajta tad-diqa ta’ ħutna tagħtuha widen u naf li tagħmlu hekk f’ħafna sitwazzjonijiet fis-soċjetà tagħna. Aħna nafu wkoll li meta l-għajta ta’ ħutna nittarrxu għaliha, il-konsegwenzi tal-ħruxija tal-qalb tagħna jiġu fuqna u ma nkunux nistgħu naħarbu minnhom. Il-Mulej iħenn imma jitlobna wkoll li nuru ħniena ma’ ħutna.

Intom qegħdin fostna, għeżież membri tal-korp tal-pulizija, biex tkunu l-widna tas-soċjetà tagħna li tisma’ l-għajta tad-diqa u ta’ qsim il-qalb li titlob il-ħniena u tirrispondu għaliha b’mod effikaċi mingħajr ma tħarsu lejn l-uċuħ b’sens kbir ta’ ġustizzja, ta’ kompetenza, ta’ korrettezza u anke b’sens kbir ta’ dinjità għal kull wieħed u waħda minna. Aħna nitolbu għalikom biex dan is-sens ta’ lealtà lejn l-ideali tar-Repubblika jkun dejjem fikom u fil-qalb tagħkom, li l-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda tkun bħalma kienet f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin ibbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, lejn il-libertajiet taċ-ċittadin imma wkoll lejn il-volontà qawwija li wieħed jissielet il-ħażen, l-inġustizzja, ġejja minn fejn ġejja, jagħmilha min jagħmilha.

Il-Mulej jagħtikom id-dawl biex l-għajta għall-ġustizzja tisimgħuha u ma ttarrxu widnejkom qatt għaliha. Nitlob fuqkom il-barka tal-Mulej, fuq il-familji tagħkom biex il-Mulej jagħtikom dehen, saħħa, għaqal u barka.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġen 41:55-57; 42:5-7a,17-24a
Salm: 32 (33):2-3,10-11,18-19
L-Evanġelju: Mt 10:1-7

Aktar ritratti