L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“L-aqwa tal-għaqal huwa li taħseb fil-għerf u min jishar għalih malajr jeħles mill-inkwiet” (Għerf 6:14). Dan il-vers mill-ktieb tal-Għerf, li smajna fl-ewwel qari llum, insibu eku ta’ dak li jgħid Ġesù fil-parabbola li jirrakkonta fil-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew li nqrat illum u li tinqara mad-dinja Kattolika kollha.
Ġesù jitkellem dwar dawn l-għaxar xebbiet, ħamsa minnhom għaqlin u ħamsa boloh. Xi tfisser li tkun għaqli? Il-ktieb tal-Għerf jispjegalna li l-għaqal huwa li taħseb fil-għerf u li jekk tishar – kelma oħra li juża Ġesù: “ishru mela” (Mt 25:13) ishru, li tishar, li tkun viġilanti, li tkun qalbek kontinwament lesta, ippreparata, disponibbli. “Min jagħmel hekk jeħles mill-inkwiet.” U ħafna drabi l-bluha twassal għall-inkwiet, in-nuqqas ta’ għaqal, in-nuqqas ta’ għerf. L-għerf li jifhem mhux biss id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna, imma d-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna bħala aħwa, ilkoll aħwa. Meta ninsew din il-ħaġa naqgħu fi bluha kbira u mhux biss naħsdu l-inkwiet imma wkoll inkunu saħta għal uliedna u għall-umanità.
Aħna ltqajna hawnhekk illum, bħalma nagħmlu ta’ kull sena f’Jum it-Tifkira. Huwa tajjeb li niftakru. Meta ninsew inkunu qegħdin nonqsu. Niftakru mhux biex nimtlew bir-rabja jew bis-sens ta’ vendetta jew bi ħsieb ta’ vendikazzjoni imma niftakru, kif inhu xieraq u dover tagħna, f’dak kollu li ħasad mijiet, eluf ta’ persuni bħalna, ħafna minnhom fl-aħjar tagħhom, minħabba konflitti li riedu l-bnedmin.
Aħna qed niftakru l-vittmi tal-Ewwel Gwerra Dinjija tal-1914 u l-1918, il-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija li ħasdet ukoll diversi vittmi fostna. Imma llum huwa d-dover tagħna niftakru fil-vittmi tal-konflitti kollha. Ma jistax ikun llum niftakru f’dak kollha li mietu 100 sena ilu, 60 sena ilu u li wħud minnhom huma midfuna fil-community war graves fostna, u ninsew. Tajjeb niftakruhom dawn imma ma nistgħux ninsew l-eluf ta’ vittmi li qed imutu bħalissa. Dalgħodu ċċekkjajt kif stajt kemm ħasdet vittmi, nies dawn bħalna, missirijiet ta’ familja, żgħażagħ b’ħolm kbir, il-konflitt fl-Ukrajna – 500,000 sa Awissu 2023. Il-konflitt fl-Ukrajna sewa l-ħajja ta’ nofs miljun raġel u mara waqt li qed nitkellmu llum.
Tistgħu tgħiduli b’liema għaqal tgħid li 4,000 tifel u tifla huma terroristi? B’liema għaqal, b’liema wiċċ?
U kif nistgħu ninsew dak li qed jiġri f’Gaża u Iżrael? Aħna nikkundannaw min ħasad l-1,400 vittma Iżraeljani innoċenti imma nikkundannaw ukoll min qed jikkawża l-mewt ta’ 10,000 Palestinjan, 4,000 minnhom tfal u trabi.
Tistgħu tgħiduli b’liema għaqal tgħid li 4,000 tifel u tifla huma terroristi? B’liema għaqal, b’liema wiċċ, b’liema wiċċ? Meta aħna nitilfu s-sens tal-umanità, is-sens tal-proporzjon, naqgħu f’dik il-bluha li l-Mulej jikkundanna u li tagħha rridu nagħtu kont. Il-Mulej idawwal l-qalb tagħna bl-għerf tassew.
Kien hemm mexxej, li bħalissa għandu responsabbiltà kbira, għandu l-poter iwaqqaf ġlied imma jrid ikomplih, u kkwota l-Kelma ta’ Alla il-ktieb ta’ Bin Sirak li jgħid: hemm żmien għal kollox, hemm żmien għall-paċi u hemm żmien għall-gwerra. “There is a time for everything; a time for peace and a time for war.” Imma jiena ngħidlu: m’hemm l-ebda żmien li inti tista’ tinsa l-umanità u d-dinjità tal-persuna umana.
M’hemm l-ebda żmien li inti tista’ tinsa l-umanità u d-dinjità tal-persuna umana.
There may be a time for peace and a time for war but there is no time when you are authorised to forget the humanity of the other person. Whoever you are and however righteous your cause is, there is proportion, there is justice, there are the demands of humanity. Otherwise we fall victim of barbarianism.
Aħna qegħdin ngħixu spettaklu kbir ta’ nuqqas ta’ umanità, ta’ barbariżmu, u t-traġedja hija li min għandu s-setgħa u għandu l-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, li tagħha Malta wkoll hija membru imma m’għandhiex veto, mhux qed jagħmel id-dover tiegħu min-naħa u minn oħra.
Illum huwa d-dover tagħna li niftakru u ma ninsewx. L-appell tiegħi fqir, umli u forsi b’mod ċiniku jista’ jgħid: ‘imma inti billi qed tgħid sur isqof, mhu se tbiddel xejn’. Imma jekk ma ngħidhiex din il-kelma, ikolli nagħti kont tas-silenzju tiegħi.
Min jagħżel il-gwerra minflok il-politika jaħsad is-saħta tal-mewt. Aħna u niftakru fir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna nagħmlu ħilitna, kulħadd fir-rwol tiegħu, biex tieqaf il-bluha u nagħżlu l-għerf.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 6:12-16
Salm: 62 (63):2,3-4,5-6,7-8
Qari II: 1 Tes 4:13-18
L-Evanġelju: Mt 25:1-13