-
Kappillan Ġdid għall-Parroċċa ta’ Fleur-De-Lys
-
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Patri Martin D. Schembri, Karmelitan, bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys.
P. Martin twieled il-Belt Valletta fid-19 ta’ Frar, 1953. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ Stella Maris, il-Gżira, u fis-Seminarju Minuri, il-Furjana. Fl-1969 daħal fl-Ordni Karmelitan, fejn għamel il-Professjoni Solenni fl-1975. Huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija fl-INSERM u għamel sena ta’ studji bibliċi fl-Istitut Pontifiju Bibliku ta’ Ruma.
Ġie ordnat saċerdot fid-9 ta’ Lulju, 1978. Wara xi żmien fil-kunvent ta’ Fleur-de-Lys huwa ntbagħat fil-kunvent tal-Belt Valletta, fejn kien diversi drabi pirjol. Kien ukoll Kunsillier Provinċjali.
Il-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys twaqqfet fl-1975 u tiġbor fiha madwar 3,400 persuna f’1,200 familja.