L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Dun Ġużepp M. Farrugia bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Safi.
Dun Ġużepp twieled Ħaż-Żabbar nhar id-9 ta’ Ottubru, 1942. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kullegg ta’ De La Salle, Cottonera. Ta’ sittax-il sena daħal “Emergency Teacher” fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar. F’Ottubru tas-sena 1961 daħal is-Seminarju Maġġuri fejn kompla l-istudji terzjarji tiegħu fl-Universita’ ta’ Malta.
Dun Ġużepp Farrugia kien ordnat saċerdot fit-22 ta’ Marzu, 1969. L-ewwel xogħol pastorali tiegħu kien dak ta’ viċi parroku fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar. Fi Frar tal-1973 huwa nħatar kappillan tal-parroċċa tal-Imqabba. Fl-1976 inħatar kappillan tal-parroċċa tal-Kalkara, u fl-1990 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Birżebbuġa fejn baqa’ sal-1999 meta ġie nnominat Kanonku Arċipriet tal-Knisja ta’ San Pawl, Rabat. Fis-sena 2003 ġie nnominat kappillan tal-parroċċa ta’ San Girgor, Sliema fejn serva għal dawn l-aħħar tmien snin.
Matul dawn is-snin kollha, Dun Ġużepp kien direttur spiritwali ta’ diversi għaqdiet reliġjużi u gruppi tal-familja.
Il-parroċċa ta’ Ħal Safi tiġbor fiha madwar 2,200 persuna f’700 familja.