L‑Arċisqof Charles Scicluna llejla se jiċċelebra quddiesa li biha uffiċjalment se jagħti bidu għall-ħidma pastorali ta’ Patri Martin Coleiro OFM bħala kappillan tal‑parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’Tas‑Sliema. Monsinjur Arċisqof jirringrazzja lil Patri Paul Attard OFM tal‑ħidma tiegħu bħala kappillan f’din il‑parroċċa għal dawn l‑aħħar sitt snin.
Patri Martin twieled fid-9 ta’ Novembru 1962 u tgħammed fil-Knisja Parrokkjali ta’ Sta Venera. Irċieva l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola Immaculate Conception fil-Ħamrun, fl-iskola primarja u fil-Kulleġġ tal-Karmelitani ta’ Sta Venera. Daħal mal-Ordni tal-Franġiskani Minuri fl-1977. Fl-1979 għamel l-ewwel professjoni fil-Parroċċa tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Kompla l-istudji tiegħu fil‑Filosofija u t‑Teoloġija fl-Istitut Nazzjonali Studji Ekkleżjastiċi għar-Reliġjużi Maltin (INSERM). Tul dawn is-snin ħa l-formazzjoni tiegħu fil-kunventi tar-Rabat u l-Ħamrun.
Huwa ġie ordnat saċerdot fl-1 ta’ Settembru 1986. Minn dak iż-żmien ’l hawn qeda l-ministeru tiegħu fil-Ħamrun, fir-Rabat u f’Tas-Sliema. Għal diversi drabi ġie fdat il-ministeru ta’ gwardjan tal-fraternità, sagristan maġġur u viċi kappillan. Fil-Provinċja ngħata wkoll l-uffiċċju ta’ Definitur Provinċjali. Tul is-snin għex fil-fraternità tal-Ħamrun (1982-1988), tar-Rabat (1988-1993 u 2002-2023) u ta’ Tas-Sliema (1993-2002).
Il‑parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’Tas‑Sliema tiġbor fiha madwar 6,000 persuna.