L-Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l-ħidma pastorali tal‑Parroċċa Santa Marija Mtellgħa s-Sema, l-Imġarr, f’idejn Dun Sean Abela bħala l-kappillan ta’ din il-parroċċa. Mons. Arċisqof jirringrazzja lil Dun Noel Vassallo tal-ħidma tiegħu bħala amministratur f’din il-parroċċa.

Dun Sean Abela twieled fis-17 t’Awwissu 1992. Beda l-mixja għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat u studja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fil-Filosofija u t-Teoloġija. Kiseb ukoll Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali.

Dun Sean serva fil-parroċċa tal-Imġarr bħala seminarista u mbagħad bħala djaknu fl-2021. Huwa ġie ordnat saċerdot fl-14 ta’ Mejju 2022 u kompla bil-ħidma pastorali tiegħu fl-istess parroċċa sal-ġurnata tal-lum.

Il-Parroċċa Santa Marija Mtellgħa s-Sema fl-Imġarr tiġbor fiha madwar 4,840 persuna.