L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ħatar lil Dun Joseph Grech bħala arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi.
Dun Joseph Grech twieled fil-Pieta’ fis-26 ta’ April 1970. Huwa rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Primarja tal-Mosta, il-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, Birkirkara, u l-iskola Ġan Franġisk Abela, l-Imsida. Kompla l-istudji terzjarji tiegħu fil-Fakultà tal-Arti u fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta.
Dun Joseph ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju, 1997. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet bħala viċi fil-parroċċa ta’ Bormla. Ħames snin wara nħatar arċipriet tal-parroċċa tal-Isla fejn ilu jservi għal dawn l-aħħar għaxar snin.
Il-parroċċa tas-Siġġiewi tiġbor fiha madwar 7,700 persuna f’2,500 familja.