Il-Kardinal Oscar Rodriguez tal-Honduras qal li l-bidla fil-klima hi kwistjoni ta’ fidi għax titratta l-ħolqien t’Alla u l-faqar.
Il-Kardinal, President ta’ Caritas Internationalis, kien fl-Afrika t’Isfel għal Konferenza internazzjonali dwar il-bidla fil-klima, organizzata mill-Ġnus Maqgħuda. Huwa ddiskuta l-kontenut tal-Konferenza u l-messaġġ li hu wassal meta rritorna lejn il-Vatikan u ltaqa’ mal-ġurnalisti.
Caritas Internationalis, konfederazzjoni ta’ 165 karita kattolika fuq livell nazzjonali, tipprovdi għajnuna t’emerġenza madwar id-dinja kollha. Barra minn hekk, tgħallem lill-Kattoliċi t-tagħlim soċjali tal-Knisja, teduka wkoll dwar kwistjonijiet ta’ paċi u ġustizzja. Fi żmien fejn fid-dinja, tant nies qed imutu bil-ġuħ, qal li kien importanti li l-Knisja tkun preżenti fl-Afrika t’Isfel u tieħu sehem f’tali Konferenza, minħabba li fi kliemu, “il-ġuħ hu wieħed mill-fatturi li jwassal għall-bidla fil-klima, partikolarment attitudnijiet irrsponsabbli lejn il-Ħolqien”.
Kompla li “għall-Knisja Kattolika, il-bidla fil-klima mhix biss kwistjoni ta’ termometri u analiżi xjentifika, imam wkoll kwsitjoni li tolqot direttament lill-persuni umani u s-sofferenza tagħhom. Il-kattoliċi jeħtieġu jkunu jafu li l-bidla fil-klima hi reali u hi problema li trid tkun iffaċċjata. Il-mod kif il-bniedem iħares lejn l-ambjent għandu jinbidel immedjatament, mhux jinbidel wara li l-bniedem jispiċċa jsofri tant konsegwenzi li jkun ġab b’idejh stess”.
Temm jgħid li “hi kwistjoni ta’ fidi għaliex sa mill-bidunett fil-Bibbja, wieħed faċilment jara kif il-ħolqien kien fdat f’idejn il-bniedem biex jamministrah u mhux biex jeqirdu”.