Il-Kardinal irtirat Giovanni Lajolo qal li d-dibattitu attwali fl-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-liberta reliġjuża għandu jispira lill-Kattoliċi fl-Ewropa sabiex jirsistu għal protezzjoni legali ikbar f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tagħhom li joġġezzjonaw quddiem “normi leġislattivi li minħabba l-implikazzjonijiet morali tagħhom, huma f’kunflitt man-normi morali affermati uffiċjalment mill-awtoritajiet reliġjużi tal-individwu”.
Dak li kien President tal-Kummissjoni li tmexxi l-iStat tal-Vatikan, għamel ir-rimarki tiegħu f’taħdita fl-iskola tal-liġi fi ħdan l-Universita Kattolika tal-Qalb Imqaddsa f’Milan.
Partijiet estensivi mid-diskors tal-Kardinal Lajolo kienu ppubblikati mill-gazzetta tal-Vatikan L’Osservatore Romano. Intqal li l-Gvernijiet għandhom dejjem jaraw li jiggarantixxu “il-liberta tal-Knisja u l-Istituzzjonijiet tagħha sabiex jgħixu u jaġixxu f’konformita ma’ dak li tiddetta l-kuxjenza tagħhom”. Il-Kardinal spjega lill-udjenza tiegħu li r-rimarki tiegħu kienu motivati mill-esperjenza riċenti fl-Istati Uniti tal-Amerika, li permezz tal-ewwel amenda tal-Abbozz dwar id-Drittijiet, twaqqfet fuq il-liberta reliġjuża.
Il-Kardinal Lajolo qal li l-liġijiet u n-normi Amerikani dwar l-abort u dwar l-indiskriminazzjoni kontra koppji tal-istess sess fil-qasam tal-adozzjoni, ipoġġu problemi serji ta’ kuxjenza għal Istituzzjonijiet u ċittadini kattoliċi.