L-importanza tal-liberta reliġjuża bħala dritt bażiku vis a vis id-dinjita umana kien wieħed mill-punti li ntlaħaq qbil dwarhom f’Kollokju Kattoliku-Musulman f’Tehran. Is-7 Kollokju taċ-Ċentru għad-Djalogu Inter-reliġjuż tal-Organizzazzjoni għar-relazzjonijiet u l-kultura Islamika kif ukoll tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż, għalaq il-Ħamis u kien immexxi mill-Presidenza konġunta tal-President tal-Organizzazzjoni għar-relazzjonijiet u l-kultura Islamika, Mohammad Baqer Khorramshad, kif ukoll tal-President tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż, il-Kardinal Jean Louis Tauran.
It-tema tal-laqgħa ta’ tliet ijiem kienet “Ir-Reliġjon u s-Soċjeta llum: Il-Perspettiva Nisranija u dik Musulmana”.
Il-parteċipanti Kattoliċi u Musulmani ippreżentaw għadd ta’ perspettivi dwar is-suġġett. Is-sotto temi kienu Ir-Reliġjon u s-Soċjeta Ċivili:Perspettiva Filosofika u Teoloġika; Perspettiva Storika-Legali u anki Diffikultajiet u Opportunitajiet Kontemporanji.
Fi stqarrija konklussiva f’għeluq il-kollokju, il-parteċipanti ippubblikaw għadd ta’ punti ta’ qbil li ntlaħqu f’din l-attivita.