L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kebbes fina n-nar ta’ mħabbtek”. Dan huwa kliem li ngħidu fl-innu “Tina l-ħlewwa”, innu verament sabiħ, li jfisser b’mod tajjeb ħafna s-solennità li qed niċċelebraw illum tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Aħna nitolbu lil Ġesù biex fina jkebbes din l-imħabba tiegħu, ħalli jkollna f’qalbna din l-imħabba u mbagħad nistgħu ngħixuha.
Meta aħna naraw l-istorja ta’ Ġesù fl-Evanġelju, ninnutaw li kull min iltaqa’ miegħu, speċjalment dawk li ltaqgħu miegħu mill-qrib, dejjem raw fih qalb li tħobbhom. Jekk kienu n-nies li kienu skartati u mogħtija l-ġenb fis-soċjetà, f’Ġesù sabu qalb li tħobbhom u li tagħtihom lura d-dinjità u tintegrahom fis-soċjetà. Il-morda u dawk li kienu għaddejjin minn tbatija f’Ġesù raw qalb li tħobbhom u li terfagħhom mit-tbatija tagħhom. Il-midinbin, dawk li kienu tbiegħdu minn Alla, f’Ġesù raw qalb li tħobbhom, li twasslilhom il-ħniena ta’ Alla u terġa’ tħabbibhom mill-ġdid ma’ Alla. U d-dixxipli, dawk li kienu l-aktar qrib ta’ Ġesù, raw f’Ġesù qalb li tħobbhom u li tixtieqhom ikunu ħbieb, kif ssejħilhom Ġesù – ħbieb tiegħu.
Żgur li l-akbar turija ta’ mħabba hija meta naraw lil Ġesù fuq is-salib. Hemmhekk hu qed jingħata bl-akbar għotja ta’ mħabba. Qed jingħata għalina, għas-salvazzjoni tagħna, għas-salvazzjoni tal-umanità. U s-salib ma kienx it-tmiem, imma minn dik l-imħabba mogħtija fuq is-salib nibtet il-ħajja ġdida, Kristu Rxoxt, l-imħabba rebbieħa, u garanzija għalina lkoll li l-imħabba hija dejjem rebbieħa.
Aħna ngħaqqdu flimkien il-festa tal-lum, tal-Qalb ta’ Ġesù, mal-Ewkaristija. Fil-fatt, f’diversi parroċċi u knejjes issir illum iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u anke l-purċissjoni, illum jew il-Ħadd li ġej, b’rabta mal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. U bir-raġun, għax fl-Ewkaristija aħna nġeddu sagramentalment din l-akbar għotja ta’ mħabba. Għalhekk għandna dejjem nersqu lejn l-Ewkaristija b’qima u devozzjoni kbira. Hemmhekk għandna l-akbar imħabba, u meta nirċievu l-Ewkaristija, aħna nsiru ħaġa waħda ma’ Alla li hu mħabba, u li lilna jagħtina s-saħħa u l-ħajja li għandna bżonn.
Jien nixtieq nagħmel appell lill-ġenituri tat-tfal li din is-sena rċevew l-Ewwel Tqarbina, u li huma ferħanin ħafna f’din l-okkażjoni speċjali. Nixtieq li huma jagħrfu l-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum “Ejjew għandi” (Mt 11:28), u jiftakru wkoll fil-kliem li qal Ġesù meta darba d-dixxipli riedu jwarrbu lit-tfal minn ħdejh, u Ġesù qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi u la żżommuhomx” (Mt 19:14). Nixtieq li l-ġenituri jiftakru li fl-età tat-tfal tal-Ewwel Tqarbina, issa minnhom jiddependi kemm it-tfal jersqu lejn Ġesù biex jiltaqgħu miegħu u jirċevuh, u ma tkunx biss l-Ewwel Tqarbina, imma jkun hemm it-tieni, it-tielet, u r-raba’, u jibqgħu jirċevuh speċjalment nhar ta’ Ħadd meta Ġesù jkun qed jistieden lilhom u lil kulħadd ħa niltaqgħu flimkien għall-Ewkaristija. Għalhekk l-appell tiegħu lill-ġenituri tat-tfal tal-Ewwel Tqarbina hu: ftakru f’dan il-kliem ta’ Ġesù “Ejjew għandi”, imma wkoll: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx”. U flimkien ersqu lejn Ġesù biex tkunu tistgħu tirċievu l-Ewkaristija li hi l-akbar imħabba li jagħti l-Mulej f’qalbhom.
Nitolbu llum lill-Mulej f’din il-festa hekk għażiża tal-qalb ta’ Ġesù. Nitolbuh: imlielna qalbna bl-imħabba tiegħek. U nitolbuh bl-istess kliem ta’ dak l-innu sabiħ “Tina Ħlewwa”: “Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li berikt lit-tfal ċkejknin, kebbes fina n-nar ta’ mħabbtek, żommna miegħek imħaddnin”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Ritratt: Tomas Anunziata