L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm seba’ darbiet, tista’ tgħid, fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, meta Ġesù jagħmel dak li normalment insejħulu ‘miraklu’. Imma f’San Ġwann jissejjaħ “sinjal”. Hawn, fis-silta li għadna kemm smajna, hu t-tieni sinjal li għamel Ġesù wara dak li kien għamel f’Kana tal-Galilija, meta biddel l-ilma fi nbid.
X’inhuma dawn is-sinjali? Għaliex jissejħu ‘sinjali’? X’juruna? Huma sinjali li juruna li Ġesù hu l-Messija, l-Iben ta’ Alla. Fil-fatt, San Ġwann lejn l-aħħar tal-Evanġelju, hekk jikteb. Jgħid li hemm ħafna sinjali oħra, imma dawn li kiteb, kitibhom “…biex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija, l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġw 20:31).
X’naraw f’dawn is-sinjali ta’ Ġesù u f’din is-silta tal-lum? Dejjem tolqotna kif f’Ġesù l-kelma u l-azzjoni huma magħqudin flimkien, ma hemm ebda separazzjoni. Il-kelma tiegħu hija qawwija, il-kelma tiegħu sseħħ. F’rakkonti oħra ta’ fejqan, Ġesù ġieli jmidd idu fuq il-persuna, jew jidħol fi djalogu magħha, jew inkella jmur fejn il-persuna biex ifejjaqha. Imma hawnhekk, kulma jgħid lil dan l-uffiċjal tas-sultan hu: “Mur, ibnek ħaj”. Daqshekk. U dil-kelma sseħħ. Tant hu hekk li meta l-uffiċjal telaq, jiltaqa’ mal-qaddejja u jgħidulu eżatt l-istess kliem: “ibnek ħaj”. U meta beda jaqleb għall-aħjar, għax kien se jmut? Proprju meta Ġesù qal din il-kelma.
Il-fidi tfisser li aħna nserrħu fuq il-kelma [ta’ Ġesù] qabel ma naraw li dak li qed jgħid Ġesù jseħħ. Inserrħu fuq li jgħid hu, u jkollna fiduċja sħiħa fih.
X’naraw fl-uffiċjal tas-sultan? Dal-bniedem mar lejn Ġesu biex isibu ħalli jfejjaqlu lil ibnu. Bħal kull ġenitur, li l-ulied huma tant għeżież għalihom, dan kellu ibnu qiegħed ħażin, se jmut, u ried li Ġesu jfejqu. Meta mar fejn Ġesu, għamillu talba. Qallu biex “jinżel ħa jfejjaqlu lil ibnu”. Riedu jmur. X’għamel Ġesù? Ġesù ma marx, imma qallu: “Mur, ibnek ħaj”. U dar-raġel, flok għamel f’qalbu u ddispjaċih jew qal “inutli qgħadt niġi biex ngħidlu ħa jiġi miegħi ħa jfejjaqli lil ibni għax ma jridx jiġi”, jgħidilna l-Evanġelju li “emmen il-kelma li qallu Ġesù u telaq”. Hemm l-iktar ħaġa importanti: emmen fil-kelma li qallu Ġesù. Fil-fatt, kellu l-konferma kemm din il-kelma li qallu Ġesù seħħet, kienet kelma vera. L-Evanġelju jgħid li emmen hu, u l-familja kollha tiegħu bis-saħħa tat-twemmin tiegħu.
Hawn fl-Evanġelju għandna ħafna affarijiet sbieħ li jgħinuna f’ħajjitna. L-ewwel nett li aħna niftakru li nemmnu f’Ġesù li hu ħaj, li l-kelma tiegħu hi qawwija, li l-kelma tiegħu sseħħ. Imbagħad, aħna u nħarsu lejn dan l-uffiċjal tas-sultan, nitgħallmu minnu kemm tiswa li jkollna fidi fil-kelma ta’ Ġesù. Il-fidi tfisser li aħna nserrħu fuq il-kelma qabel ma naraw li dak li qed jgħid Ġesù jseħħ. Inserrħu fuq li jgħid hu, u jkollna fiduċja sħiħa fih.
Fil-fatt, meta jkollna l-għajnejn tal-fidi, hemm ħafna sinjali li llum iseħħu, jiġifieri li l-kelma ta’ Ġesù sseħħ f’ħajjitna llum. Jekk aħna nfittxu affarijiet sensazzjonali, aktarx li nibqgħu diżappuntati, jew inkella nibdew naraw dak li m’hemmx. Imma jekk aħna jkollna l-għajnejn tal-fidi, nindunaw li l-kelma ta’ Ġesù sseħħ illum. Jeżistu llum dawn is-sinjali li jfakkruna li Ġesù hu ħaj u li jgħinuna biex nemmnu fih. Nitolbu lill-Mulej l-grazzja li aħna jkollna fidi sħiħa f’Ġesù li hu ħaj, u li l-kelma tiegħu sseħħ.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju