L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

San Benedittu, Fundatur tal-Monakiżmu fil-Punent, għex ħafna snin ilu. Twieled għall-ħabta tas-sena 480, u miet fis-sena 547, jiġifieri ara kemm għaddew snin minn meta għex! Imma meta aħna naraw il-ħajja tiegħu u l-kelma tiegħu, jolqotna kemm għadu rilevanti għall-ħajja tagħna llum. Baqa’ wkoll ħaj fl-esperjenza spiritwali ta’ tant nies li segwewh, fil-ħajja monastika u ispirati mir-Regola tiegħu.

Nixtieq insemmi tliet punti mir-rikkezza kbira tal-ħajja tiegħu, li naħseb jagħtu messaġġ sabiħ għall-ħajja tagħna fi żminijietna.

L-għeruq tiegħu kienu fl-esperjenza ta’ Alla

L-ewwel nett, San Benedittu kellu fl-għeruq tiegħu l-esperjenza ta’ Alla. Kien hemm li sab dak li jagħtih il-qawwa fil-ħajja tiegħu. Meta kien għadu żgħir, il-ġenituri bagħtuh Ruma biex ikompli l-istudji tiegħu. Imma hemm ma għoġbitux il-ħajja laxka ta’ ħafna, li kienet ’il bogħod minn dak li xtaq hu. Għalhekk hu fittex li jkollu esperjenza ta’ Alla fil-kwiet, fis-solitudni tal-muntanji fil-Lvant ta’ Ruma. Kellu diġà r-rieda kbira li jqiegħed l-għeruq tiegħu fl-esperjenza ta’ Alla. Kienet din l-esperjenza li mexxietu biex iwaqqaf, iktar tard fil-wied ta’ Anio, qrib Subiaco, l-ewwel monasteri, u jaqsam ma’ persuni oħra din l-esperjenza.

San Girgor il-Kbir, meta jitkellem fuqu, jgħid din l-espressjoni: “Soli Deo placere desiderans” – jiġifieri ried jogħġob lil Alla biss. L-enfasi tiegħu kienet dejjem fuq it-talb u s-smigħ tal-kelma ta’ Alla. Fil-fatt, jekk wieħed jara r-Regola tiegħu, proprju l-ewwel sentenza titkellem fuq il-widna u l-qalb attenti għall-preċetti tal-Mulej – sentenza li għandha xebh kbir ma’ dak li qrajna fil-Ktieb tal-Proverbji: “Ibni, jekk int tilqa’ kliemi, jekk taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi, billi tagħti widen għall-għerf u tiftaħ qalbek għall-għaqal…imbagħad tifhem xinhu l-biża’ tal-Mulej u ssib it-tagħrif ta’ Alla” (Prov. 2:1-2.5).

Dan hu messaġġ importanti għalina: ħajjitna tikseb tassew valur meta l-għeruq tagħna jkunu fl-esperjenza ta’ Alla, speċjalment permezz tat-talb. Mhux meta nfittxu lilna nfusna, l-affermazzjoni tagħna nfusna, imma meta nfittxu dak li jrid Alla permezz tal-kelma tiegħu u permezz tat-talb – għalhekk ‘Ora et Labora’ tqiegħed l-ewwel it-talb – li jkun jista’ jimliena bl-imħabba tiegħu biex ngħadduha lill-oħrajn. B’hekk dak li nagħmlu ma jkunx għall-egoiżmu tagħna jew għall-glorja tagħna imma għall-glorja ta’ Alla u mmexxi mill-ispirtu tiegħu. Meta jkollna dawn l-għeruq fl-esperjenza ta’ Alla, nistgħu nifhmu aħjar, kif fehem Benedittu, ir-realtà tal-bniedem u l-missjoni fi ħdan is-soċjetà.

Bidel in-negattiv f’pożittiv

San Benedittu bidel in-negattiv f’pożittiv. Kienet din il-qawwa li ġejja mill-esperjenza ta’ Alla li għenitu f’dan.

Jekk inħarsu lejn is-sitwazzjoni politika u soċjali ta’ dak iż-żmien, naraw li kien hemm kriżi tremenda tal-valuri u tal-istituzzjonijiet ikkawżata mill-waqgħa tal-Imperu Ruman, l-invażjoni ta’ popli ġodda, u tmermir tad-drawwiet. Kien hemm dekadenza kbira u kien żmien ta’ dlam. San Benedittu ma qgħadx jilmenta fuq kemm kienet sitwazzjoni kerha u diffiċli u jieqaf hemm, imma bl-għajnuna ta’ Alla ra kif jipproponi l-pożittiv biex jittrasforma dak li kien negattiv. Bis-saħħa tiegħu, dan il-pożittiv infirex lilhinn minn fejn kien jgħix u tant għamel ġid.

Dan hu wkoll ta’ messaġġ għalina. Meta nħarsu madwarna, naraw kultant l-iktar valuri għeżież jitmermru. Naraw il-glorifikazzjoni tal-ħażen u dak li hu ħażin imqiegħed bħala t-triq għas-suċċess. Jista’ jkun li nidħlu fl-ispirtu ta’ qtigħ ta’ qalb. Il-messaġġ ta’ San Benedittu hu biex fis-sitwazzjoni ta’ dlam, flok noqogħu nisħtu d-dlam, naraw kif inkunu dawl aħna. San Girgor kien sejjaħ lil San Benedittu “kewkba tixgħel” fil-lejl mudlam tal-Istorja. Mhux qagħad jilmenta u jieqaf hemm. Ra kif jibdel in-negattiv f’pożittiv.

Dan ukoll fil-ħajja tiegħu personali, u fil-ħajja monastika, għax għadda minn diversi esperjenzi koroh u ibsin. Ma waqqfuhx, ma qatgħulux qalbu. Imma dejjem mexa ’l quddiem b’mod kreattiv bl-għajnuna ta’ Alla, joħloq dak li kien ġdid u sabiħ, bħal dawl fid-dlam.

Wera li l-fidi hija għajn ta’ ġid fis-soċjetà

San Benedittu wera li l-fidi, meta ngħixuha tajjeb, hija għajn ta’ ġid kbir għas-soċjetà. Meta wieħed jara l-wirt kbir li ħalla mhux biss fil-ħajja monastika, imma wkoll, permezz tal-Benedittini, fl-iżvilupp taċ-ċiviltà u tal-kultura Ewropea, fil-ħarsien tal-wirt u l-promozzjoni ta’ dak li hu ta’ ġmiel u tal-umaniżmu veru, hemm nistgħu nifhmu kemm il-fidi f’Alla tagħmel il-ġid lis-soċjetà. Meta Papa Pawlu VI, fl-1964, iddikjara lil San Benedittu Patrun tal-Ewropa, fehem jirrikonoxxi l-ħidma tal-għaġeb li wettaq b’riżq il-formazzjoni taċ-ċiviltà u tal-kultura Ewropea.

Dan hu messaġġ ta’ ġid kbir għalina. Il-fidi, meta ngħixuha bis-serjetà, ma tagħlaqniex fina nfusna, jew tħallina nduru magħna nfusna f’ambjenti li nsejħulhom reliġjużi, imma tmexxina u timbuttana fil-qalba tas-soċjetà biex nagħmlu l-ġid fil-ħajja tal-bnedmin.

Hawnhekk illum, f’din il-quddiesa, hawn preżenti numru sew ta’ benefatturi ta’ dan il-Monasteru, u nixtieq nurihom apprezzament. Huma għarfu kif il-fidi tagħhom jgħixuha fil-qadi tal-professjoni tagħhom u b’servizz imprezzabbli fis-soċjetà.

Nitolbu lil San Benedittu jkompli jkun ta’ ispirazzjoni għal dan il-Monasteru, għall-komunita li tgħix hawn u għall-Benedittini kollha, imma wkoll għall-ħajja tagħna biex inqiegħdu l-għeruq tagħna fl-esperjenza ta’ Alla, nagħrfu nkunu bħal dawl fid-dlam, u bl-għajxien tal-fidi tagħna nkunu nistgħu nagħtu kontribut kbir lis-soċjetà Maltija llum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju