L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” (Ġw 14:5) Dan huwa l-kliem ta’ Tumas l-appostlu, li qalu lil Ġesù meta kienu miġburin fl-Aħħar Ċena. Dan huwa l-kuntest ta’ dan il-kliem. Ġesù kien diġà lid-dixxipli ħaslilhom saqajhom, u qalilhom li hekk għandhom jagħmlu huma wkoll – “jien tajtkom eżempju biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15) – u kien enfasizza ħafna l-kmandament tal-imħabba. Waqt li ħabbar li se jkun hemm min jittradih u min jiċħdu, enfasizza l-imħabba u qalilhom: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35).
Hawnhekk Ġesù dan id-diskors jibdieh hekk: “Tħallux qalbkom titħawwad” (Ġw 14:1). Hu diskors li Ġesù qed jagħmel fl-aħħar mumenti qabel il-passjoni u l-mewt tiegħu. Għalhekk hu diskors fejn jenfasizza punti importanti ħafna li d-dixxipli għandhom jiftakru. Hawn jibda billi jagħmlilhom il-qalb, jinkuraġġihom. Jgħidilhom hekk għax id-dixxipli verament kienu se jitħawdu, u se jitħarbtu, u kien hemm bżonn dal-kliem ta’ inkoraġġiment biex huma jiftakru aktar ’il quddiem li dak li kien se jgħaddi minnu Ġesù ma kienx it-tmiem imma hu kien se jmur għand il-Missier. Fil-fatt għalhekk jitkellem ħafna fuq id-dar tal-Missier. U jgħidilhom: “It-triq għall-post fejn sejjer tafuha” (Ġw 14:4). Hu meta jgħid hekk li Tumas jgħidlu: “Aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”
Tumas l-appostlu, kif nafu, kien bniedem li jrid l-affarijiet ċari u jrid ikun ċert. Anke meta mbagħad Ġesù qam mill-mewt u ltaqa’ mad-dixxipli u Tumas ma kienx magħhom, Tumas qal: jekk ma narax b’għajnejja u mmiss b’idejja ma nemminx. U hawn ried li jkun ċert. U Ġesù jitkellem ukoll b’mod ċar ħafna. Jgħidlu: “Jien it-Triq, il-Verità, u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Qed jgħid Ġesù li huwa hu t-Triq li twassal għand il-Missier, il-Verità li għandhom iħaddnu, il-Ħajja li għandhom jgħixu. Dal-kliem hu ċar ħafna, imma kellu jikseb il-konferma bil-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt. Dan għaliex mal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, deher minn barra li t-triq intemmet, il-verità ġiet imxejna, u l-ħajja nqatlet. Imma għax qam mill-mewt, dal-kliem tiegħu kiseb il-konferma li verament hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.
X’inhu l-messaġġ li jgħid Ġesù lilna llum? Żgur li jrid jagħmlilna l-qalb bħalma għamel lid-dixxipli u jgħidilna “Tħallux qalbkom titħawwad”. Hu tajjeb li jgħidilna hekk, u tajjeb li nemmnu li bil-qawwa tiegħu li ma nitħawdux, għax kultant ċerti affarijiet iħawduna, joħolqu konfużjoni fil-moħħ tagħna. Speċjalment għax nisimgħu diversi ilħna li huma differenti minn tiegħu, u li jgħidulna “din hi t-triq”, u ma tkunx taqbel mat-triq li għallimna Ġesù; jew inkella “din hi l-verità li għandna nħaddnu”, li wkoll ma taqbilx ma’ dak li jgħidilna Ġesu; jew jgħidulna “din hi l-ħajja li għandna ngawdu, li għandna ngħixu” u ma tkunx taqbel mal-ħajja li jridna ngħixu Ġesù. Għalhekk, jista’ jiġrilna, jekk ma noqogħdux attenti, li aħna nitqarrqu u naqbdu jew triq ħażina jew sqaq li ma jwassal imkien; inħaddnu dak li hu falz, flok dak li hu veru; u fil-ħajja nserrħu fuq dak li jgħaddi u jitmermer, flok fuq dak li jibqa’.
Għalhekk hu importanti ħafna li aħna nitolbu lil Ġesù biex jgħinna ħalli ma nitqarrqux, ħalli nagħrfu kif għandna nimxu. U żgur li Ġesù, bil-qawwa tiegħu, jgħinna. Anke fil-mumenti meta naħbtu nitfixklu, jerfagħna, u jgħinna biex aħna niċċaraw aktar moħħna, jagħtina aktar is-serħan f’qalbna, u jgħinna biex nagħrfu tassew it-Triq, il-Verità u l-Ħajja.
Nitolbu llum bit-talba sabiħa li nagħmlu kemm-il darba waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija: Mulej, kun int it-Triq li twassalna għand il-Missier, il-Verità li tmexxina lejn il-ġid, il-Ħajja li biha ngħixu fik.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju