• Kjarifika

  • L-Onorevoli Ministru Dr Helena Dalli kienet irrappurtata li qalet fil-Parlament il-bieraħ, l-Erbgħa 2 ta’ April 2014, li “qassisin pedofili għandhom jiġu ġġudikati għal għemilhom quddiem il-Qrati Ċivili bħalma jiġu ġġudikati rġiel oħra li jwettqu l-istess reat”. Dan huwa żbaljat għaliex fil-fatt, saċerdoti huma ġġudikati bħal irġiel oħra mill-Qorti Ċivili. Prova ċara ta’ dan huwa każ ta’ ftit żmien ilu, li wkoll ingħata pubbliċità qawwija fil-media, fejn saċerdoti nvoluti kienu ġġudikati mill-Qrati Ċivili u saħansitra weħlu sentenza ta’ ħabs.
    L-anqas mhu korrett dak li qalet l-Onorevoli Ministru li “għad għandna anomalija fejn jekk qassis u raġel jabbużaw mit-tfal, tal-ewwel jitneħħa minn qassis jew jintbagħat fi djoċesi oħra, mentri r-raġel jiġi proċessat fil-Qorti u jekk jinstab ħati jintbagħat il-ħabs”. Fil-fatt, saċerdot li jkun akkużat li kkommetta dan ir-reat, ikun iġġuddikat mit-Tribunal tal-Knisja u l-piena tista’ tkun li jitneħħa minn saċerdot. Imma dan ma jfissirx li l-istess saċerdot ma jkunx iġġudikat mill-Qrati Ċivili wkoll. Anzi dan ifisser li saċerdot ikun iġġuddikat kemm fit-Tribunal tal-Knisja kif ukoll fil-Qrati Ċivili.
    Irid jingħad ukoll li f’każijiet bħal dawn, il-proċeduri li jsiru mill-Knisja qatt ma jieħdu post il-proċeduri tal-Istat. F’dawn il-każi, l-ebda proċedura tal-Knisja ma tieħu post il-liġi tal-Istat jew iċċaħħad id-dritt tal-vittma li tirrapporta delitt lill-awtoritajiet ċivili. Il-Knisja hija impenjata li toqgħod għal-liġijiet tal-Istat.