L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Is-sema u l-art jgħaddu imma kliemi ma jgħaddix”. Dan hu li smajna lil Ġesù jgħid illum fl-Evanġelju, fl-aħħar sentenza, wara li qal lid-dixxipli biex iħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra, u minnhom jitgħallmu jaqraw ukoll is-sinjali taż-żmien. Imbagħad jgħid li s-sema u l-art jgħaddu, jiġifieri s-siġar ukoll jgħaddu, imma kliemu ma jgħaddix.
Ħa nħarsu l-ewwel lejn dan is-sinjal li qed jgħid Ġesù. Qed jgħid lid-dixxipli biex iħarsu lejn is-siġar. Bħalma dawn juru l-istaġun li qegħdin fih, jew l-istaġun li ġej, hekk minnhom jitgħallmu wkoll jaqraw is-sinjali taż-żmien. Dan naturalment jibqa’ veru sakemm aħna ma noħolqux diżastru mill-ambjent, u nkunu ħawwadna kollox, u ma nkunux nistgħu naraw mis-siġar l-istaġuni. Għalhekk turi r-responsabbiltà li għandna li nieħdu ħsieb il-ħolqien, ħa nkunu nistgħu ngħidu lil xulxin: ħarsu lejn is-siġar, ħares lejn il-ħolqien u ara x’jurik il-ħolqien.
Ġesù jgħid “kliemi ma jgħaddix”. Xi jrid jgħid biha Ġesù li kliemu ma jgħaddix? Għax kliemu hu l-kliem ta’ Alla li sar bniedem, għalhekk hu kliem li għandu fih il-ħajja ta’ dejjem. U Ġesù dak li jgħid hu dejjem veru, dejjem validu, u dejjem jiswa għal ħajjitna. Niftakru, kien qalhielu Pietru din, meta xi nies telquh proprju minħabba kliemu, u Pietru kien qallu: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem…” (Ġw 6:69). Għalhekk kliemu ma jgħaddix, għax hu l-kliem ta’ Alla li jibqa’, li lilna jurina t-triq, li jwasslilna l-verità u jagħtina l-ħajja.
Ġesù qatt ma jnissel fina sentimenti ħżiena; jekk aħna nħossu hekk, l-iżball fina jkun mhux fil-kelma tiegħu
Għaliex kliemu ma jgħaddix? Għax lil Ġesù dejjem narawh iwassal il-kelma vera, u qatt ma joqgħod iqis l-udjenza li għandu biex jgħid kliem li jingħoġob man-nies li għandu quddiemu. Ġesù qatt ma mexa hekk: li jipprova jingħoġob ma’ dan, ma’ din, mal-oħra, ma’ gruppi differenti, u għalhekk jgħid kliem li daqqa hu hekk u daqqa mod ieħor. Ġesù dejjem qal dak li hu veru, anke meta kien hemm diversi nies li rrifjutawh. U x’għamel Ġesù meta kien hemm nies li minħabba kliemu telquh? X’għamel? Daħal f’qoxortu? Baqa’ dejjem fidil lejn dak li Alla ried minnu, u wettaq tassew ir-rieda ta’ Alla. Baqa’ jgħid il-verità kif inhi. Din hi r-raġuni għaliex kliemu ma jgħaddix – kliemu ma jinbidilx minn ħin għall-ieħor, jew minn żmien għall-ieħor, imma jibqa’ dejjem veru biex lilna tassew jagħtina l-ħajja.
Il-kelma tiegħu hi dejjem kelma li tagħtina t-tama. Mid-disperazzjoni li kultant naraw, fi żmien diffiċli, il-kelma tiegħu tagħtina t-tama. Fid-dlam turina d-dawl. Fil-fatt, dan l-aħħar fl-Evanġelji smajna ħafna kliem ta’ Ġesù li meta taqrah, taħsbu kliem li jbeżża’. Imma dejjem jitfa’ dik il-kelma li tagħti t-tama, bħalma smajna llum fil-versett ta’ qabel l-Evanġelju: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib”. Għalhekk hu kliem li jagħti t-tama li tgħinna fil-mixja tagħna. Ġesù qatt ma jnissel fina sentimenti ħżiena; jekk aħna nħossu hekk, l-iżball fina jkun mhux fil-kelma tiegħu. Imma lilna jagħtina t-tama biex inkomplu mexjin ’il quddiem fil-ħajja tagħna.
Nitolbu llum l-għajnuna tiegħu biex dejjem ngħożżu l-kliem tiegħu, biex il-kliem tiegħu jkun programm għal ħajjitna, u jmexxina dejjem fit-triq it-tajba. Il-kliem tiegħu jgħinna biex nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, u biex dejjem niftakru li kollox jgħaddi imma kliemu ma jgħaddix.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju