Rappreżentanti mill-Knisja Ortodossa Russa u mill-Knisja Kattolika tal-Polonja ltaqgħu fil-jiem li għaddew sabiex jiddiskutu passi ‘l quddiem lejn rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Komunikat mid-dipartiment għar-relazzjonijiet esterni tal-Knisja fi ħdan il-Patrijarkat ta’ Moska qal li ż-żjara tagħhom f’Varsavja kellha l-għan li “tiddiskuti l-assistenza possibbli mill-Knisja għal binja ta’ relazzjonijiet bejn il-popli tal-Polonja, r-Russja, l-Ukrajna u l-Belarus”. Kienet laqgħa organizzata fuq stedina mill-Arċisqof Josef Michalik li huwa President tal-Konferenza Episkopali Pollakka u mill-Kap tal-Knisja Ortodossa tal-Polonja.
Parteċipanti ddiskutew passi għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant. Huma ddeċidew li jistabbilixxu kumitat ta’ ħidma sabiex jiżviluppa document konġunt dwar ir-rikonċiljazzjoni bejn it-tali pajjiżi, b’aċċenn fuq is-sehem tal-Knejjes involuti fl-isforz. Il-parteċipanti ipproponew ukoll kummissjoni biltaerali u ddiskutew temi għal djalogu. Issuġġerew ukoll li jkunu nklużi membri mill-Knisja Ortodossa tal-Polonja u mill-Knisja Kattolika tar-Russja sabiex jieħdu sehem fl-operat tal-kummissjoni.
Komunikat fi tmiem il-laqgħa qal li “iż-żewġ naħat innutaw l-importanza storika tal-inizjattiva u tad-djalogu, li fi kliemhom huma l-ewwel pass biex jintleħqu l-għanijiet imsemmija”.
WARSAW, Poland, MARCH 3, 2010 (Zenit.org)