Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

L-Arċisqof Charles Scicluna ħabbar il-lista ta’ knejjes li huma marbuta mal-indulġenza plenarja, matul din is-Sena tal-Ġublew iddedikata lit-tama.

Fi kliem il-Papa Franġisku, l-indulġenza tgħin lin-Nisrani jiskopri l-ħniena bla tarf ta’ Alla, u anke permezz taż-żjarat f’dawn il-postijiet qaddisa, “il-Mulej jeqred id-dnubiet tagħna, ifejqilna qalbna, jerfagħna mill-ġdid u jħaddanna miegħu, jurina l-wiċċ tiegħu ħelu u kollu mogħdrija.” (Spes non confundit, 23).

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, kull fidil, pellegrin tat-tama, jista’ jikseb l-Indulġenza tal-Ġublew mogħtija mill-Papa jekk iżur b’devozzjoni dawn il-knejjes:

  • Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
  • Il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
  • Is-Santwarju tal-Madonna, il-Mellieħa
  • Is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Żabbar
  • Il-Kappella tal-Isptar Mater Dei
  • Il-Kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
  • Il-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù, San Vinċenz de Paul, Ħal Luqa
  • Il-Knejjes parrokkjali kollha, il-Belt Valletta
  • Il-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi (Putirjal), il-Belt Valletta
  • Il-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta
  • Il-Knisja tas-Salib Imqaddes (Tal-Kapuċċini), il-Furjana
  • Il-Bażilika Minuri tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta
  • Il-Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina, l-Isla
  • Il-Bażilika Minuri ta’ Santa Liena, Birkirkara
  • Il-Bażilika Minuri ta’ Marija Assunta, il-Mosta
  • Il-Bażilika Minuri ta’ San Pawl, ir-Rabat
  • Il-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid
  • Il-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz, il-Birgu
  • Il-Knisja Kolleġġjata tal-Kunċizzjoni, Bormla
  • Il-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, in-Naxxar
  • Il-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi
  • Il-Knisja ta’ Santa Tereża, Bormla
  • Il-Katakombi u l-Knisja ta’ Sant’Agata, ir-Rabat
  • Il-Knisja ta’ St Patrick’s, Tas-Sliema
  • Il-Kappella tal-Università, l-Imsida
  • Il-Millennium Chapel, Paceville

Meta persuna żżur wieħed minn dawn il-postijiet, mistennija tagħmel ukoll mument ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija, tgħid it-talba tal-Missierna, il-Kredu u talb Marjan s-Salve Regina, u fl-istess ġimgħa taż-żjara, għandha tirċievi wkoll is-sagramenti tal-qrar u t-tqarbin sabiex tkun tista’ tinħeles mit-tpattija kollha ta’ dnubietha.

Il-persuni li ma jistgħux jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet solenni, f’pellegrinaġġi u fi żjarat ta’ qima għal raġunijiet serji (bħalma huma s-sorijiet u l-patrijiet tal-klawsura, l-anzjani, il-morda u l-ħabsin) xorta jistgħu jiksbu l-Indulġenza tal-Ġublew. Dan billi jsegwu l-kelma tal-Papa u tal-Isqfijiet tad-djoċesi, fosthom permezz tal-quddiesa ta’ kuljum mxandra fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, jgħidu l-Missierna, il-Kredu u bħas-Salve Regina, waqt li joffru t-tbatijiet tagħhom.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-lista ta’ knejjes hi twila għaliex jixtieq li niffaċilitaw ix-xewqa tal-Papa Franġisku li s-sena tal-Ġublew tkun verament “festa kbira ta’ ħniena” u kulħadd jista’ jirċievi dawn is-sagramenti u l-maħfra ta’ dnubietu.

Aktar dettalji dwar il-Ġublew tat-Tama f’Malta jinkisbu minn gublew.mt.