Dun Trevor Fairclough u s-Sur George Harrington, Ko-ordinaturi ta’ ‘SPRED’ (żvilupp Reliġjuż Speċjali) li jagħmel parti mid-Dar tal-Providenza, għadhom kemm ġew lura minn konferenza internazzjonali li saret f’Larne, fl-Irlanda ta’ Fuq.
It-tema uffiċċjali tal-konferenza, li ssir kull tliet snin, hija dejjem “Project Peer Support”. Saċerdoti, reliġjużi u lajċi djoċesani, li l-vokazzjoni tagħhom hija li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilita’ intelletwali, iltaqgħu flimkien biex jirriflettu fuq l-esperjenzi personali fl-ambjenti tagħhom biex iġeddu l-impenn spiritwali tagħhom. Tnejn u ħamsin parteċipant mill-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Messiku, l-Afrika t’Isfel, l-Iskozja, l-Irlanda ta’ Fuq u ta’ Isfel u Malta inġabru fid-Dar tal-Irtiri ta’ Drumalis f’Larne, biex jiddiskutu sistemi aħjar ta’ servizzi mill-aqwa għal persuni b’diżabilita’, sistemi ta’ sapport kontinwu kif ukoll biex jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin. Din is-sena, id-delegati iffokaw l-aktar fuq “il-bini tat-tqanqil liturġiku tagħhom”.
Għal dawn l-aħħar tmien snin, id-Dar tal-Providenza kienet affiljata mal-Agenzija SPRED, li hija bbażata fi Glasgow, l-Iskozja. Dan qed ikun ta’ benefiċċju kbir għar-residenti b’diżabilita’ intellettwali biex jiġu megħjuna jikbru wkoll fil-fidi tagħhom. L-għan aħħari hu li dan is-servizz jiġi estiż għall-livell ta’ parroċċi.