-
-
Bejn nofsinhar tal-14 ta’ Lulju 2017 u nofsillejl tas-16 ta’ Lulju 2017 se terġa’ ssir il-Maratona Oħloq Tbissima. Din se tkun il-ħmistax-il edizzjoni ta’ din il-maratona ta’ xandir live mtella’ minn CAM Productions international, li hija l-Production House fi ħdan is-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP).
Il-ħidma missjunarja fdata f’idejn is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) ma tieqafx biss ma’ xtutna imma hi mifruxa wkoll fil-Perù, fil-Pakistan u anke l-Filippini. Għalhekk l-għan ta’ din il-maratona hu li jinġabru fondi b’risq dawn il-missjonijiet filwaqt ukoll, li titqajjem kuxjenza missjunarja.
Il-Patrijiet MSSP, kontinwament jippjanaw u jaraw x’jistgħu jagħmlu biex itejbu s-sitwazzjoni ta’ dawk li jkollhom fi ħsiebhom. Ovvjament, dan mhux dejjem ikun possibbli minħabba li jkunu jridu jiġbru fondi biex iwettquhom.
Lokalment, l-MSSP imexxu Dar San Ġużepp f’Santa Venera, li tilqa’ fiha subien li ma jistgħux jgħixu fil-familja naturali tagħhom. Hemm ix-xewqa li jsir xi tibdil f’xi kmamar ħalli jinbidlu f’appartament żgħir sabiex il-ġuvintur li jagħlqu 16-il sena jkunu jistgħu jkunu ftit aktar indipendenti, filwaqt li xorta waħda jkollhom min jieħu ħsiebhom u jiggwidahom.
Barra minn xtutna, diversi saċerdoti tal-MSSP iwettqu l-ħidma missjunarja tagħhom fil-Perù kemm billi jieħdu ħsieb dar residenzjali li tilqa’ fiha numru ta’ tfal, jżuru l-anzjani u l-morda, joffru edukazzjoni lit-tfal, jieħdu ħsieb kċejjen pubbliċi u anke joffru servizzi mediċi f’ċentri tas-saħħa. Ovjament, ma jonqosx ix-xogħol pastorali u spiritwali li huma kontiwament joffru. Il-faqar huwa kbir u jonqsuhom anke l-aktar affarijiet bażiċi. Kull għajnuna tagħmlilhom differenza kbira.
Fil-Filippini wkoll, minbarra l-ħidma spiritwali u pastorali, il-patrijiet joffru programmi ta’ edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ u jmexxu anke feeding programme fejn jitqassam ikel sustanzjuż f’diversi żoni. Permezz tal-orkestra li ħoloq Fr Joe Cremona, tfal u żgħażagħ jinġabru flimkien jitgħallmu l-mużika minflok jiġġerrew mat-toroq. Il-patrijiet tal-MSSP qed jagħtu importanza kbira lill-edukazzjoni ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ bit-tama ta’ futur aħjar għalihom u l-familji tagħhom.
Fil-Pakistan, il-ħidma missjunarja ssir l-aktar fil-qasam edukattiv fejn qed jistinkaw biex jippromwovu u jagħtu edukazzjoni tajba lin-nisa għaliex hemmhekk huma l-irġie l-aktar l li jmorru skola. Fr Bernard Mangion, flimkien ma’ Fr Gerald, jieħdu ħsieb skola kbira fejn l-Insara u l-Musulmani jitgħallmu flimkien. Bħalissa qed jippruvaw jiġbru fondi biex jixtru kompjuters u apparat ieħor biex it-tagħlim tagħhom ikun aġġornat u l-quddiem isibu xogħol xieraq.
Għal darb’oħra, din is-sena Oħloq Tbissima ser tittella’ mill-bitħa ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera, minn fejn bħal fi snin li għaddew se jixxandar programm varjat, b’mumenti ta’ talb, quddies, filmati, diskussjonijiet u spettaklu bil-partiċipazzjoni tal-aqwa talent lokali.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jipparteċipa f’din il-maratona, billi jagħti d-donazzjoni tiegħu, kif ukoll billi jżur l-attività u jsegwi minn fuq l-istazzjonijiet lokali.
Il-linji tat-telefon huma diġà miftuħa. Kull min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq:
€10 51602004
€15 51702007
€25 51802009
SMS €4.66 50618099
-