• Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Knisja Parrokkjali, l-Imsida
    19 ta’ Marzu 2018

    “Nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ” (Ġw 16, 22). Għażiż Dun Simon, int għażilt dan bħala motto tiegħek għall-bidu tal-ħidma pastorali tiegħek bħala kappillan ta’ din il-parroċċa. Hemm raġuni ovvja: int kont diġà hawn f’din il-parroċċa ta’ San Ġużepp għal numru ta’ snin, u issa erġajt lura bħala kappillan. U bir-raġun hi okkażjoni ta’ ferħ.

    It-talba tagħna f’din il-quddiesa hi li dan il-ferħ ikun il-karatteristika tal-ħidma pastorali tiegħek f’din il-parroċċa. Hu dan li l-Papa Franġisku talab mill-Knisja kollha, meta qalilna biex inxandru l-ferħ tal-Evanġelju. Hu spjega li dal-ferħ ma jfissirx li dejjem tħossok f’allegrija, qisek fis-seba’ sema, imma li fil-fond ta’ qalbek temmen li inti maħbub/a minn Alla, u hekk ikollok il-ferħ u l-paċi tal-Mulej. Dan nixtieqlek Dun Simon. Jalla jkollok dan il-ferħ u twasslu mhux biss lill-Misidjani, imma wkoll lil kull min jersaq hawnhekk f’din il-parroċċa.

    Fil-ħidma tiegħek ta’ kappillan, waqt li taħdem biex twassal il-ferħ tal-Evanġelju lin-nies, żgur għandek mudell sabiħ f’San Ġużepp, bniedem li ngħata missjoni speċjali minn Alla biex jieħu ħsieb il-familja ta’ Nażaret – lil Ġesù u lil Marija.

    Fl-Evanġelju m’għandniex kelma waħda li qal San Ġużepp imma hemm ħafna x’titgħallem minnu. Bniedem umli, ta’ fedeltà, ta’ fidi kbira, li jittama kontra kull tama, li jserraħ fuq il-kelma ta’ Alla u jafda fih; bniedem ta’ qalb kbira li dejjem jaħseb fl-oħrajn b’imħabba kbira. Kollha jgħinuk dawn il-kwalitajiet sbieħ.

    Illum jien nixtieq nenfasizza xi ħaġa partikulari f’San Ġużepp, u nipproponiha lilek u lill-komunità li se tkun qed isservi hawnhekk f’din il-parroċċa. San Ġużepp tista’ tqisu l-protettur tal-ħajja umana, u ta’ din il-ħajja sa minn qabel it-twelid tagħha. Fil-fatt, jolqtok il-fatt li lil San Ġużepp  narawh fl-Evanġelju jagħmel minn kollox biex jipproteġi l-ħajja ta’ Marija, u ta’ Ġesù kemm qabel kif ukoll wara li twieled.

    Kien jaf San Ġużepp, bħalma nafu aħna llum, li l-ħajja tibda mhux mat-twelid imma mat-tnissil, kif ifisser tajjeb l-Evanġelju llum fejn il-kelma tnissil smajnieha kemm-il darba. U San Ġużepp għamel minn kollox biex iħares il-ħajja li għadha mhix imwielda.

    Dun Simon, int ukoll, bħal San Ġużepp, aħdem biex tħares il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Aħdem biex ixxerred madwarek kultura ta’ promozzjoni u ħarsien tal-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Dan l-eżempju ta’ San Ġużepp hu tassew rilevanti llum, meta hawn min qed jagħlaq għajnejh, u jipprova jagħlaq tal-oħrajn biex ma jarawx ir-realtà li l-ħajja umana qiegħda ġa hemm fit-tnissil. Imma hemm hi, anke jekk ikun hemm min jixtieqha li mhix hemm.

    Aħdem biex in-nies jaraw fl-istatwa ta’ San Ġużepp bil-Bambin, li din il-parroċċa qed tiċċelebra l-125 sena tagħha, statwa sabiħa li ġġib l-ammirazzjoni u li wieħed għandu japprezza. Imma aħdem ukoll u aktar biex meta jħarsu, ma jiqfux fl-istatwa imma jieqfu fuq il-qaddis li l-istatwa tirrappreżenta; u jiftakru li San Ġużepp għandu dik it-tarbija f’idejh għax ipproteġiha u ħarisha sa mill-bidu nett, u dik it-tarbija rat id-dawl għax kien hemm min ħarisha u ddefendiha qabel twieldet.

    Hu dan li jġib tassew il-ferħ, meta aħna l-ħajja ngħożżuha u nħarsuha dejjem mill-ewwel mument tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Għalhekk l-awgurju tiegħi lilek, Dun Simon, lis-saċerdoti ta’ din il-parroċċa li huma verament impenjati b’qalbhom kollha, u lil kull min jaħdem f’din il-komunità, huwa li tkunu xempju tal-għożża tal-ħajja.

    Ħarsu lejn kull persuna li tiġi hawn, hi min hi, ta’ liema razza, kulur, tip, bħala persuna b’dinjità, unika u irrepetibbli, li għaliha Ġesù Kristu ta ħajtu. Min jiġi hawn ilqgħuh b’idejkom miftuħa, ħalli tistgħu tlaqqgħuh ma’ dak li jista’ jimlielu ħajtu bil-ferħ ġenwin. Imma min ma jersaqx ’l hawn fittxuh b’qalb kbira biex hu wkoll ikun jista’ jduq il-ferħ veru ta’ Ġesù. Min hu mnikket jew imweġġa’ jew imdejjaq, min qed jaħbat jaqta’ qalbu mill-ħajja jew qed jogħtor taħt it-toqol tas-salib, ħa jsib fik u f’dawk kollha li jaħdmu pastoralment hawn kenn u għajnuna biex jerġa’ jqum għal ħajja ġdida u jkun jista’ jduq il-ferħ tal-Evanġelju. Kif jgħid il-Papa Franġisku: “Ħadd mhu eskluż mill-ferħ li jġib il-Mulej” (Evangelii Gaudium, par. 3).

    “Nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ.” Dun Simon, nawguralek li xxerred dan il-ferħ. U li nixtieqlek hu li tkun tista’ tkompli dan il-vers mill-kliem ta’ Kristu sal-aħħar: “Nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ma jeħodulkom ħadd”.

    Mons. Joe Galea Curmi

    Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: 2 Sam 7: 4-5a.12-14a.16
    Salm: 88
    Qari II: Rum 4: 13.16-18.22
    Evanġelju: Mt 1: 16.18-21.24a
  • Ritratti: Parroċċa San Ġużepp, l-Imsida