Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Bħal-lum, meta jgħiduli “Ad multos annos”, jiena ngħid, “pavere multos”, ma non esageriamo. Anke għax, tkun kemm tkun tajba l-ħaġa, fl-aħħar tgħid, “too much of a good thing”. Imma naf li mhix il-każ.
Jiena nixtieq naqsam dan il-messaġġ qasir tiegħi, anke għaliex sar il-ħin u tinkwetani li bniedem ikollu bżonn anke jinġabar. Għall-grazzja ta’ Alla bdejna nxommu ftit tax-xitwa wkoll, li hija barka għalina.
Xtaqt li l-intervent tiegħi llum, u l-indirizz tiegħi lilkom, ikun fuq żewġ partijiet. L-ewwel nett l-esperjenza tiegħi tas-Sinodu tal-Isqfijiet – l-ewwel parti. Imbagħad, x’nifhem jien bil-‘Knisja li toħroġ’. Huma ftit ħsibijiet qosra, għaliex smajna ħafna, għandna ħafna materjal fuqiex nirriflettu. Għall-grazzja ta’ Alla wkoll għaż-żewġ partijiet tad-diskors tiegħi. Għandna dokumenti importanti. L-ewwel nett relazzjoni ta’ sintezi tas-Sinodu, li fiha biss 40 paġna. Biex qrajnieha fl-aħħar jum domna mit-3.30pm sat-8pm, imbagħad għamilna l-aħħar siegħa nivvutaw paragrafu, paragrafu. Jiġifieri kienet maratona li jinqara kollu flimkien mal-Papa. Ta’ min ikollu ċans jara din ir-relazzjoni ta’ sinteżi, li bħalma kien ix-xogħol kollu tas-Sinodu tal-Isqfijiet, din id-darba, kull parti għandha dawn it-tliet elementi importanti: dak li qbilna fuqu: il-konverġenzi, dak li ma qbilniex fuqu, imma fir-relazzjoni ta’ sinteżi, issa minflok diverġenzi, għandu punti li hemm bżonn wieħed japprofondixxi, imbagħad proposti konkreti.
L-esperjenza tiegħi tas-Sinodu ktibtha waqt is-Sinodu, f’diversi poeżiji akrostiċi. Poeżija akrostika, jekk intom taraw il-ktieb li suppost tqassam, hija poeżija li tieħu kunċett, kelma, u kull vers jibda bl-ittra tal-kelma. Jekk inti tieħu n-numru 1 bħala eżempju, ‘Home’, din il-poeżija għandha erba’ versi, għaliex fil-kelma ‘home’ bl-Ingliż, hemm erba’ ittri: h,o,m,e. Il-poeżija akrostika hija hekk. Hemm 25 poeżija akrostika. Kien hemm xi ħadd li qalli, “tidher li kellek bżonn tagħmel xi ħaġa oħra fis-Sinodu barra tisma’”. U rrid nammetti li huwa vera. Imma jekk intom tħarsu lejn l-indiċi, hemm sempliċiment dawn il-25 kelma li jikkorrispondu għal 25 poeżija. L-ewwel u l-aħħar waħda huma l-istess kelma: ‘Home’ u ‘Home’. L-ewwel ‘Home’ kienet ispirata mill-ewwel meditazzjoni li għamlilna Fr Timothy Radcliffe. Allura tirrifletti dwar fejn inti tħossok f’postok. Imma l-aħħar ‘Home’ hija nostalġija biex nirritorna kemm jista’ jkun hawn Malta. Jiġifieri, min jaqra l-aħħar ‘Home’ jara rifless ta’ nostalġija kbira wara xahar Ruma. Xi ħadd qalli mort inpappiha. Fil-fatt ma nafx kemm pappejtha, imma l-aħħar ġimgħa kelli ‘gastrite’, biex tapprezzaw iżjed kemm pappejtha, li kompliet imbagħad il-ġimgħa ta’ wara wkoll. Kelli mhux biss in-novena, imma anke l-ottava.
Jiena nissuġġerilkom li jkollkom ċans anke tużaw dan il-kontribut tiegħi anke bħala approfondiment tat-temi prinċipali tas-Sinodu. Uħud minnhom mhumiex kollha kunċetti pożittivi, imma huma wkoll parti mill-esperjenza tas-Sinodu. Għaliex is-Sinodu, anke l-esperjenza tal-Assemblea Djoċesana, l-esperjenza tal-ħajja tal-Knisja, m’għandhiex biss id-dawl, imma anke għandha d-dellijiet, u kultant id-dlamijiet – ‘Chiaroscuro’. Jiġifieri, aħna Caravageschi fid-DNA tagħna. B’xi mod, il-ħajja tagħna wkoll hija taħlita ta’ dawl u dlam, dell u anke biex ngħidu hekk trasparenza.
Allura, inti għandek il-kunċetti li huma djarju tad-diskussjonijiet li kien ikollna. Waħda mill-esperjenzi sbieħ fis-Sinodu hija li adottajna esperjenza, li ġiet żviluppata mill-Ġiżwiti l-Kanada, ta’ spiritual conversation, li aħna ilna nagħmluha anke fl-esperjenza tal-Assemblei Djoċesani, u li hija wieħed mill-metodi, mhux l-uniku, tad-dixxerniment. Id-dixxerniment huwa wara kollox li jien nistaqsi lili nnifsi, u l-Papa jixtieq ukoll din lill-Knisja, il-Mulej xi jrid minna f’dan il-mument tal-istorja. Xi jrid minna, minn kull wieħed u waħda minna, imma wkoll minna bħala komunità. Dan huwa l-aspett Sinodali, li jiena u naħseb ftit, fil-kuntest tal-lum, il-Mulej xi jrid minni, ma ngħidx biss xi jrid minni, imma wkoll xi jrid minna. Wara kollox, it-talba li għallimna Ġesù mhijiex biex ngħidu ‘Missieri’, imma biex ngħid ‘Missierna’. Nidħlu proprju fil-mentalità ta’ Ġesù stess, meta għallimna nitolbu, li għallimna nitolbu bħala aħwa. Allura, din hija wkoll, li l-kelma ‘Sinodos’ ma għandhiex tradizzjoni antika ħafna fil-vokabularju Kattoliku, u rridu nammettu. Hija kelma li rridu nitgħallmu qisu mill-ġdid, u li rridu niskopru xi tfisser li nimxu flimkien. Aħna, ħafna drabi, donna qegħdin nimxu, imma kulħadd għal rasu. Jekk inti tmur Kingsway, Putirjal, Strada Rjali, Triq ir-Repubblika, tara ħafna nies mexjin, forsi anke fl-istess direzzjoni, imma mhux bilfors qegħdin jimxu flimkien. Qegħdin jimxu, imma mhux bilfors flimkien.
Allura, is-Sinodu huwa wkoll xprun, fl-istess ħin sfida, biex kemm jista’ jkun nadottaw ukoll spirtu u metodu kollaborattiv. Jekk intom taqbdu r-relazzjoni ta’ din is-sinteżi u taraw il-proposti, waħda mill-eżerċizzi li hemm bżonn nagħmlu f’dan il-mument bejn l-ewwel parti tas-Sinodu u t-tieni parti tas-Sinodu, li Fr Timothy Radcliffe semmieha bħala perjodu ta’ ġestazzjoni, a pregnancy, u kellu l-anedottu ħelu, għax bl-Ispanjol, li tkun pregnant hija ‘embarazada’. U kien xi mkien, Latin America, u kien qed jgħid li l-Isqof kien naqra imbarazzat, u uża l-kelma ‘embarazados’, u allura dan qalilhom li l-Isqof pregnant; u ovvjament ir-reazzjoni kienet daħka feliċi, u ma naħsibx li qatt insewha din, li kellhom isqof pregnant. U kien raġel dan, ma naħsibx li kien mara. Qalilna li għandna din il-ġestazzjoni ta’ ħdax-il xahar. Jien mort fuq google biex nara liema annimal jagħmel ġestazzjoni ta’ 11-il xahar. Nikkonfermalkom, iċċekkjaw jekk tridu, li hija l-lama jew l-alpaca, li għandhom ġestazzjoni ta’ 11-il xahar. Aħna qegħdin fil-ġestazzjoni tal-lama, mill-Perù. Issa diġà għadda xahar. Diġà qegħdin fit-tieni xahar tat-tqala, ta’ dan il-perjodu, bejn l-ewwel parti tas-Sinodu u t-tieni parti tas-Sinodu. Imma waħda mill-affarijiet li inti tinnota meta tara l-proposti, u tgħid, “imma jiena, dan ix-xahar, bħala isqof, bħala kollaboratur tal-isqfijiet, bħala Kattoliku impenjat, x’inhi r-responsabbiltà tiegħi?” Għax il-proposti qegħdin fuq diversi livelli. Pereżempju hemm proposta li jiġi revist il-kodiċi tad-dritt kanoniku. Għall-grazzja ta’ Alla, mhix kwistjoni tagħna din; jarawha d-dikasteri kompatenti. Imma jekk ngħidu aħna, li f’kull parroċċa jrid ikun hemm il-Kunsill Pastorali Parrokkjali, dik tolqot lil kull parroċċa. Aħna, fid-Djoċesi tagħna, ilna, anke għaliex kien hemm il-profezija tal-predeċessuri tiegħi, b’din ir-realtà. Id-domanda hi: liema spirtu janima l-istrutturi li għandna? Aħna kellna esperjenza għall-grazzja ta’ Alla tas-Sinodu. Infakkru bi gratitudni kbira lill-predeċessur tiegħi Mons. Ġużeppi Mercieca, li nieda s-Sinodu Djoċesan, bl-għajnuna tal-Isqof Joe Galea Curmi. U dan se jagħlaq 20 sena mill-konklużjoni tiegħu, imma beda fl-1999. Se naslu 25 sena minn din l-esperjenza dalwaqt. U rridu ngħidu: x’sar minn dik l-esperjenza? Waħda mill-affarijiet li ħafna jiftakru, imma għaddiet 25 sena minn dik l-esperjenza, hija l-proċess fih innifsu.
Anke s-Sinodu, għalkemm kien xahar twil ħafna, forsi twil iżżejjed, u kulħadd aċċetta li forsi nistgħu nagħmlu l-affarijiet f’ħin iqsar, u forsi nikkonċentraw iżjed fuq affarijiet li jkunu focused iżjed milli konna, imma l-esperjenza kienet fundamentali. Jiena nixtieq ħafna li nikbru bħala djoċesi fi spirtu kollaborattiv. Għandna ħafna strutturi, imma b’liema spirtu qegħdin nanimawhom? Jiena nħallilkom dan il-librett, bħala djarju tiegħi forma ta’ 25 poeżija akrostika tas-Sinodu, imma wkoll nawgura li ’l quddiem, aħna u nippreparaw għat-tieni sessjoni tas-Sinodu – ma nagħmlux jien, jiena jkolli mmur – imma bħala Knisja, dak li nistgħu diġà nħaddmu, inħaddmuh, u fl-istess ħin irridu nikbru anke fl-għarfien ta’ dan l-ispirtu ta’ ko-responsabbiltà. Wara kollox, meta ngħidu Knisja Sinodali, it-tliet valuri fundamentali, li kienu anke parti mill-idea fundamentali tas-Sinodu, kienu: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni.
Aħna, proprju, meta niġi għat-tieni parti tar-riflessjoni tiegħi, meta ngħidu: Knisja li toħroġ, l-ewwel nett ‘toħroġ’ għax hi mibgħuta. Meta ngħidu ‘Knisja li toħroġ’, l-ewwel nett irridu nibdew mill-esperjenza ta’ xi ħadd li qalilna: “Morru” (Mt 28:19), u bagħatna “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19). Illum irriflettejna bil-metodu Injazjan, fuq dan id-djalogu li jimmaġina Injazju, imma ispirat ukoll mit-teoloġija tal-Ittra lil-Lhud, meta l-Iben ta’ Alla jgħidlu: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lh 10:7); is-Salm Responsorjali li naqraw fil-25 ta’ Marzu, fil-festa tal-Inkarnazzjoni, u naqraw ukoll mis-silta mill-Ittra tal-Lhud: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lh 10:7). U San Injazju ovvjament, veru x-xena mhux qiegħda fl-Iskrittura, imma bbażata fuq it-teoloġija tal-Ittra lil-Lhud, dan id-djalogu ta’ Alla: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, hu djalogu intern għall-ħajja tat-Trinità, li jrid isalva l-umanità. L-Iben hu mibgħut, nibgħatkom bħalma jien mibgħut. “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). Ejjew nippruvaw nifhmu x’qed jgħid Ġesù: “Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom” (Ġw 20:21). Meta aħna ngħidu, ‘Knisja li toħroġ’, l-ewwel nett hi Knisja missjunarja fid-DNA tagħha. Ħierġa għax mibgħuta. Mela dejjem, mhux l-inizjattiva tagħna. Aħna rċivejna dan id-don kbir li xi ħadd sejħilna biex inkunu miegħu, u jibgħatna. Wara kollox aħna appostli.
M’ilux kelli djalogu ma’ saċerdot; ma nsemmihx għall-modestja. U tajtu ubbidjenza, u qalli: “Eċċellenza jiena mibgħut; jekk immur jien, m’iniex mibgħut. Jekk tibgħatni int, inkun mibgħut.” U ħallieni bla kliem. L-ewwel nett ma ngħidilkomx li hu djalogu rari ħafna, imma inti jkollok dawn il-grazzji kbar. Huma grazzji li jedifikawk. Jekk immur jien, fejn irrid jien, meta rrid jien, m’iniex mibgħut għax mort jien; imbagħad jekk jiġu l-problemi, ikollok tħabbat rasek mal-ħajt. Jekk inti mibgħut, almenu twaħħal fl-Arċisqof; għandek kull dritt. Aħna Knisja li toħroġ għax mibgħuta.
Knisja li toħroġ għax aħna wkoll għandna bżonn nisimgħu l-kelma li Ġesù qal lill-ħabib tiegħu, li bikkieh, Lazzru, li meta sabu magħluq fid-dlam tal-mewt, u bħalma tgħidlu oħtu: “Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet” (Ġw 11:39), jgħidlu dawn iż-żewġ kelmiet bil-Grieg: ‘devro exo’ – “oħroġ” (Ġw 11:43).
Mela Knisja, l-ewwel nett li toħroġ, għax qed tobdi l-kmand ta’ Ġesù li toħroġ minn dak li hawnhekk f’diversi mumenti insemmi l-comfort zones. Imma din hi xi ħaġa li ispirata minn ħafna eżortazzjonijiet tal-Papa Franġisku. Ejjew noħorġu mill-fosdqa, fejn aħna komdi ħafna, we are not challenged, we are comfortable, our comfort zone, our echo chamber. Noħorġu. Ovvjament, huwa stedina ta’ riskju u vulnerabbiltà kbira imma huwa wkoll it-twelid. Wara kollox it-tarbija trid toħroġ mill-ġuf ta’ ommha. Ħafna filosofi u ħafna teoloġiċi kbar, pereżempju, ‘The moment of death’ ta’___ 2:11:53 mingħalija, jgħid, il-mewt hi wkoll ta’ sofferenza kbira, li toħroġ minn din il-fosdqa tant sabiħa, tant attraenti, biex titwieled għall-ħajja ta’ dejjem. Hu proċess ta’ diffikultà, proċess li jaf ikun anke trawmatiku. Mela Knisja li toħroġ ukoll, li qed tisma’ l-kmand ta’ Ġesù, u allura f’din il-Knisja li toħroġ hemm bżonn ukoll ikollna umiltà biżżejjed li ngħidu liema fosdqa qegħdin komdi tant fiha li qed nibżgħu noħorġu minnha. Imma rridu noqogħdu attenti li tkun il-Kelma ta’ Ġesù li tixprunana noħorġu. Aħna noħorġu mhux biss għax mibgħutin, imma qegħdin nobdu l-kelma ta’ min irid ireġġagħna mill-mewt għall-ħajja.
It-tielet ħsieb dwar il-Knisja li toħroġ hi li inti ma tistax tkun ‘Knisja li toħroġ’ u tinsa l-misteru tas-Salib. Mument ieħor ta’ glorja fit-Testment il-Ġdid hu l-misteru tat-Trasfigurazzjoni. Għandna tliet rakkonti tat-Trasfigurazzjoni. F’San Ġwann għandna hint Ġw 12, fejn Ġesù jisma’ vuċi mis-sema, u “n-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed” (Ġw 12:29). U jinterpreta din il-vuċi. Hu rifless tat-Tabor, imma fil-kuntest taċ-Cenacolo. Imbagħad għandna l-Ittra ta’ San Pietru li titkellem fuq li aħna konna fuq il-muntanja, konna xhieda (ara 2 Pietru 1:16-21), it-Tieni Qari tas-6 ta’ Awwissu. Xi ħaġa fuq is-6 ta’ Awwissu naf.
Imma fir-rakkont ta’ San Luqa, l-uniku rakkont mit-tliet Evanġelisti sinottiċi, li jgħidilna x’kienu qegħdin jgħidu Mosè u Elija. L-oħrajn jgħidu li dehru miegħu Mosè u Elija jitħaddtu miegħu, imma Luqa kapitlu 9 jgħidilna fuq xiex tkellmu. Kienu qed jitkellmu fuq it-tluq tiegħu. Il-kelma użata hi ‘exodos’, it-tluq tiegħu. It-tluq tiegħu hu evidentement il-mewt tiegħu. Allura aħna għandna s-sinodos, li aħna nimxu flimkien; imma għandna wkoll l-exodos ta’ Ġesù li hu s-salib tiegħu. Aħna ma nistgħux inkunu Knisja li toħroġ jekk nibżgħu mill-exodos, minn din it-triq li għandha l-istedina li toħroġ. Għax anke Ġesù, lil Lazzru jgħidlu: “Oħroġ”; juża ‘exo’. Allura, hemm barra jista’ jkun hemm xi ħaġa li tbeżżagħna. Is-salib ibeżża’ lil kulħadd. Aħna llum qegħdin nagħmlu l-festa tal-martri Vjetnamiti. Dawn mhumiex erba’ martri, imma ġenerazzjonijiet ta’ martri, għax f’jum wieħed niċċelebraw martri fuq prattikament tliet sekli, mis-seklu 17 sas-seklu 19. Dawn kienu nies li taw ħajjithom proprju f’din il-missjoni. Il-Knisja li toħroġ, u li se tidħol fi djalogu, imma d-djalogu mad-dinja ma jistax jevita konfront li ħafna drabi miegħu jġib il-martirju. Imma, kif jgħid Ġesù, tingħata lilkom il-qawwa li tkunu xhieda.
Allura, il-Knisja li toħroġ hi l-Knisja li tirrealizza minn fejn ġejjin, tiltaqa’ ma’ dak li hemm jistenniena, imma fi djalogu ta’ mħabba ma tibżax ukoll mill-prezz tas-Salib. Għaliex? Għax il-prezz tas-Salib mhux l-aħħar kelma. It-Tabor jgħallimna, u anke t-tama tagħna f’Ġesù.
Jiena naħseb ukoll li f’dan il-proċess li bdejna u qegħdin f’din is-sena ‘il-Knisja li toħroġ’, ir-raba’ sena, dejjem għidna li dawn huma atteġġjamenti li jikkomparaw lil xulxin, li jħarsu lejn xulxin. Dan huwa proċess li se jkompli. Ma nistgħux ngħidu: issa għamilniehom kollha. Dak l-atteġġjament ta’ wħud miż-żgħażagħ tagħna li għamlu l-Griżma: issa għamilna l-Griżma, u nafu kollox. Aħna rridu issa nibdew mhux biss niddjalogaw mas-soċjetà, imma anke b’umiltà kbira naraw ftit minn fejn Ġesù jrid jaqlagħna u fejn irid jibgħatna. Kollox irid ikun minnu, kollox għalih. Jekk aħna mill-equation inneħħu lil Ġesù, x’jibqa’ l-aħwa? Mhux il-miżerja tagħna jibqa’. U l-miżerja tagħna se ssalva d-dinja?
Nirringrazzjak ħafna, Nadia, ta’ din l-enfasi li għamilt, li aħna għandna bżonn inkunu l-ewwel nies li quddiem Ġesù Kristu nħossu l-bżonn tiegħu li jsalvana, għax dik tippurifikana minn kull awtosuffiċjenza u anke t-tendenza li fid-djalogu mad-dinja mingħalina aħjar minn xi ħadd. Dik it-talba, u nagħlaq biha, li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Ammen.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta