Fit- 12 ta’ Novembru 2019, l-Uffiċjali Edukattivi tas-suġġett tal-Edukazzjoni Reliġjuża flimkien mas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Reliġjuża, tellgħu konferenza bl-isem ‘Religious Education, Challenges and Actions’. Din il-konferenza kompliet fuq l-impenn tas-suġġett biex ikompli jiġġedded kemm fl-aspett metodoloġiku, kif ukoll fil-preżentazzjoni tal-kotba li jużaw l-istudenti mhux biss fis-settur primarju u medju li nbidlu fl-aħħar snin, imma anke issa f’dak sekondarju.
Fil-fatt f’din il-konferenza tnieda għall-ewwel darba s-sillabu l-ġdid tal-edukazzjoni reliġjuża tal-eżami ordinarju tal-matrikola flimkien mal-ktieb li se jakkumpanja dan is-sillabu.
Għal dan il-għan attendew il-kontributuri li kitbu f’dan l-istess ktieb li ppreżentaw it-test kollu lil dawk preżenti. Għalhekk l-għalliema tar-reliġjon setgħu jaraw b’mod konkret il-mod ġdid kif is-sillabu tal-edukazzjoni reliġjuża jipprova jikkontribwixxi għall-iżvilupp ħolistiku tal-istudent, billi jipprovdi l-lingwaġġ u l-ħiliet biex l-istudenti jaċċessaw u jesprimu d-dimensjonijiet morali, reliġjużi, u spiritwali fil-ħajja tagħhom.
L-għalliema kellhom l-opportunità sabiex jiddiskutu l-isfidi tal-lum u t’għada sabiex ikomplu jiġġeddu, u jkunu tal-aħjar servizz għal-istudenti kollha permezz ta’ rilevanza massima.
L-għanijiet ta’ din il-konferenza kienu li l-għalliema:
- Jifhmu l-perspettiva teoloġika li jħaddan is-sillabu l-ġdid tal-edukazzjoni reliġjuża tal-eżami ordinarju tal-matrikola.
- Jiffamiljarizzaw ruħhom mad-disinn u l-kontenut tal-ktieb il-ġdid li ħa jintuża mas-sillabu.
- Janalizzaw fid-dettall l-assessjar kontinwu li jħaddan dan is-sillabu.
- Jibnu direzzjoni ċara tas-suġġett meta mqabbla mal-kontenut u l-metodoloġija tas-sillabu l-antik.
Għal din il-konferenza attendew l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi; Rev. Dr Carl Sultana, Delegat tal-Katekeżi u l-Edukazzjoni Reliġjuża u Prof. Fr Rene Camilleri, Lettur fit-Teoloġija Dommatika.
Inkoraġġiment f’missjoni importanti – messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Nixtieq nuri l-apprezzament għall-ħidma tagħkom ilkoll fil-qasam tal-edukazzjoni reliġjuża – ħidma li hi missjoni tant importanti fil-ħajja tal-Knisja u ta’ ġid kbir għas-soċjetà. Nirringrazzja lill-organizzaturi ta’ din il-konferenza tal-lum għalikom għalliema tar-Reliġjon.
Ir-rwol tagħkom hu ta’ influwenza kbira u ta’ għajnuna kbira lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex jistgħu jifhmu x’jiġifieri li huma qegħdin f’din il-mixja ta’ edukazzjoni reliġjuża.
Nixtieq insemmi tliet punti partikulari li narahom importanti ħafna f’dal-qasam:
Formazzjoni
L-ewwel, li tkomplu dejjem tiffurmaw ruħkom fl-edukazzjoni reliġjuża. Tkomplu l-on-going educationf’dan il-qasam b’attenzjoni kbira u b’impenn kbir. Aħna nafu li f’kull qasam hemm bżonn formazzjoni kontinwa. F’dan il-qasam ta’ edukazzjoni reliġjuża, għandna bżonn li nkunu nafu sewwa l-iżviluppi li jsiru, u kif il-kontenut nistgħu nifhmuh aktar aħna biex nwassluh aħjar. Ma nistgħux naffordjaw li sempliċiment il-mod kif konna nikkomunikaw it-tagħlim tar-reliġjon ħafna snin għalih nagħmluh illum.
Għalhekk, formazzjoni rigward it-tagħlim – u għandna l-mezzi biex niffurmaw ruħna personalment. Insemmi kemm hu importanti li nkunu midħla tat-tagħlim ta’ Papa Franġisku, u għalhekk ta’ kitbiet bħal Evangelii gaudium, Amoris Laetitia u Laudato si’. Mhux biss rigward il-kontenut imma wkoll rigward il-metodi, fid-dawl tal-iżviluppi li qed isiru fil-qasam tal-edukazzjoni u fid-dawl tad-dinja li qed tinbidel.
Din hi edukazzjoni kontinwa li għandna neħduha b’serjetà kbira. Meta nħarsu lejn il-ktieb li jgħaqqad flimkien il-kontenut li aħna se nwasslu, għandna nħarsu lejh bħala għajnuna kbira li neħtieġu. Imma rridu niftakru li l-ktieb mhux qiegħed hemm biex jagħlaqna imma biex jiftħilna l-viżjoni tagħna. Hu ta’ sodisfazzjon għal kull min qed jaħdem f’dan il-kamp meta tkun taf li qed taġġorna ruħek kontinwament u tieħu bis-serjetà l-formazzjoni kontinwa.
Esperjenza pożittiva
It-tieni, li nagħmlu ħilitna biex l-istudenti joħorġu mill-iskola b’esperjenza pożittiva ta’ x’jiġifieri t-tagħlim tar-reliġjon. Nafu li din mhix faċli, anke għaliex l-istudenti ġejjin minn backgrounds differenti. Kultant dak li tkun qed tipprova tibni jħottuh fil-familja. Għandna nagħtu attenzjoni mhux biss lejn dak li qed nipprovaw inwasslu aħna, imma lejn dak li qed jieħdu l-istudenti. Jekk inkunu wassalna l-kontenut imma l-esperjenza tagħhom tkun negattiva, inkunu tlifna l-iktar ħaġa importanti.
Fid-dawl ta’ dan, għandna ngħinu lill-istudenti b’akkumpanjament u nħeġġuhom biex jistaqsu. Mhux biss nipprovdulhom il-materjal biex jitgħallmuh, imma nħeġġuhom biex jistaqsu. Nagħtuhom l-ispazju biex jistgħu jħossuhom mismugħin. Din importanti ħafna fejn tidħol l-edukazzjoni reliġjuża. Imbagħad jistgħu joħorġu mill-iskola u jgħidu: fl-edukazzjoni reliġjuża kelli esperjenza pożittiva. Għandna nagħmlu kultant riflessjoni fuq dan il-punt u naraw permezz ta’ feedback kemm hu hekk.
Filwaqt li hi l-edukazzjoni reliġjuża hi distinta mill-pastoral care fl-iskola – u tajjeb li jkun hemm distinzjoni – għandu jkun hemm ukoll rabta, biex lill-istudenti tingħata formazzjoni ħolistika.
Xhieda
It-tielet, li aħna nipprovaw dejjem nagħtu xhieda ta’ dak li qegħdin inwasslu. Din tgħodd għal kulħadd, ibda minna isqfijiet, saċerdoti… U fil-kuntatt maż-żgħażagħ din hi kruċjali. Iridu jarawk li qed tgħix bl-istess mod fil-ħajja tiegħek. Biex inġib eżempju, jekk aħna ngħallmu li kull bniedem hu xbieha ta’ Alla, li kull bniedem għandu d-dinjità, u għalhekk li kull persuna hi ta’ liema lewn hi, ta’ liema razza hi, ta’ liema reliġjon hi, hi persuna għażiża, u nwasslu din il-viżjoni nisranija – din iridu jarawha fina u fl-attitudnijiet tagħna. Li aħna mhux biss ngħallmu hekk, imma hekk nittrattaw kull persuna li hemm fl-iskola. Li nuruha fil-kliem tagħna, fl-attitudnijiet li jolqtu l-moħħ u l-qalb. Min qed jisimgħek, u int tkun qed tagħtih il-viżjoni Nisranija, irid jara din fix-xhieda tal-ħajja tiegħek.
Hawn jidħol id-djalogu fejn jidħlu reliġjonijiet differenti. Dan qatt ma għandu jbeżżagħna. Jekk aħna konvinti mill-identità tagħna, dan minnu nnifsu jqegħidna fi djalogu mal-oħrajn. Dak li nemmnu aħna minnu nnifsu jġagħalna nħarsu b’attitudni ta’ rispett lejn kull min għandu twemmin differenti.
Sapport
Xtaqt insemmi dawn it-tliet punti għal konsiderazzjoni tagħkom – narahom importanti ħafna f’dal-qasam. Naf li l-qasam li fih taħdmu hu challenging ħafna, u naf kemm is-sitwazzjonijet tal-lum kultant huma kumplessi u kumplikati. Tajjeb tkunu tafu li għandkom is-sapport kontinwu – tal-EOs, tas-Segretarjat għall-Katekeżi, ta’ kull min qed jagħti sehmu f’dan il-qasam.
Nawguralkom ħafna għal dan in-nofstanhar tal-lum, nawguralkom għall-missjoni tagħkom fl-iskola. Nixtieq ninkoraġġikom ħafna f’din il-missjoni biex tħossu wkoll li għandkom l-appoġġ tal-Knisja. Nixtieq li din il-missjoni tkun għalikom ta’ sodisfazzjon biex intom tħossu li dak li qed tagħmlu hu ta’ ġid u ta’ kontribut għas-soċjetà Maltija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju