-
-
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali 2014, it-Tnejn 16 ta’ Ġunju 2014 fil-lukana Excelsior, il-Furjana, inżamm ‘business brunch’ għall-edituri tal-aħbarijiet u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-media . Il-kelliem ewlieni kien l-E.T. il-Professur Douglas Kmiec, eksambaxxatur tal-Istati Uniti għal Malta. L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ikkonkluda l-konferenza bil-messaġġ tiegħu għal din l-okkażjoni, filwaqt li Fr Charles Tabone O.P., Delegat tal-Arċisqof, introduċa l-konferenza.
-
Agħfas hawn biex tisma’ id-diskors ewlieni tal-E.T. il-Professur Douglas Kmiec għal din l-okkażjoni.
Agħfas hawn biex tniżżel il-messaġġ (pdf) tal-E.T. il-Professur Douglas Kmiec.Agħfas hawn biex tniżżel il-messaġġ ta’ Fr Charles Tabone O.P., Delegat tal-Arċisqof.
-
-
Il-messaġġ tal-Arċisqof għal din l-okkażjoni
-
Il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali ta’ din is-sena, għażel bħala tema ‘il-komunikazzjoni għas-servizz ta’ kultura awtentika ta’ relazzjonijiet umani’.
Il-komunikazzjoni hija l-mezz li bih nistgħu niltaqgħu u nibnu relazzjonijiet umani. Aktar ma nibnu relazzjonijiet umani personali, fejn nuru interess ġenwin f’xulxin, aktar inkunu qed ngħixu skont ma jixraq lid-dinjità umana tagħna. Kif żviluppaw dawn il-mezzi, jistgħu b’xorti ħażina jservuna biex nikkomunikaw mingħajr ma nibnu relazzjonijiet umani personali. Imma r-relazzjonijiet jibqgħu virtwali u aktarx superfiċjali jew sempliċiment funzjonali. Għalhekk jeħtieġ li lkoll nagħmlu sforz biex dawn il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jilħqu l-iskop tagħhom u jservuna biex nersqu lejn xulxin personalment u ngħinu lil xulxin biex nikbru flimkien għall-ġid ta’ kulħadd, il-ġid komuni.
Alla huwa fih innifsu komunikazzjoni l-aktar sinifikattiva, għax hu relazzjoni bejn tliet persuni distinti minn xulxin – it-Trinità Qaddisa, imma f’għaqda perfetta – Alla wieħed. Dan Alla ħareġ minnu nnifsu u kkomunika magħna fl-imħabba tiegħu. Hu ħalaqna xbieha tiegħu, hekk li għamel li ninġibdu lejn xulxin biex ngħixu fl-imħabba u l-għaqda. Kull komunikazzjoni bejnietna l-bnedmin trid tkun rifless tal-komunikazzjoni Divina u twassal biex tinbena relazzjoni li fiha nagħmlu l-ġid lil xulxin. Hekk biss nistgħu nkunu xbieha t’Alla fil-komunikazzjoni u r-relazzjoni tiegħu, fih innifsu u magħna l-bnedmin.
F’dinja globalizzata, il-mezzi kontemporanji tal-komunikazzjoni soċjali qegħdin kull ma jmorru jiżviluppaw u jagħmluha aktar faċli li nikkomunikaw ukoll mal-aktar partijiet remoti tad-dinja. Ma fadal imkien il-bogħod. Kullimkien jista’ jintlaħaq, u jintlaħaq f’ħakka t’għajn. Jalla dawn il-mezzi jqarrbuna lejn xulxin, mhux biss fuq livell ta’ informazzjoni, imma fuq livell personali, b’tali mod li jgħinuna nħossu għal xulxin u naslu biex ngħinu lil xulxin ħalli l-bnedmin kollha jgħixu skont ma jixraq lid-dinjità umana. B’xorti ħażina dan mhux qed jiġri dejjem, għaliex minkejja li nafu sewwa fejn qiegħda l-miżerja u x’inhuma l-konsegwenzi tagħha, inħoss li mhux qed isir biżżejjed biex din il-pjaga umana tinqered darba għal dejjem. L-iżbilanċ qawwi fl-iżvilupp tal-bniedem għadu ma ntrebaħx, u l-bilanċ mixtieq għadu ma
ntlaħaqx. Flimkien mal-Papa, nawgura li l-komunikazzjoni soċjali sservi biex jintlaħaq dan il-għan. Dan li qed jifhem il-Papa Franġisku bil-kelmiet ‘kultura awtentika ta’ relazzjonijiet umani’. Nafu kemm għandu għal qalbu l-promozzjoni umana, il-ġustizzja soċjali, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-miżerja.
Id-demokrazija hija wkoll parti essenzjali mill-ġustizzja soċjali għax tmiss il-libertà tal-bniedem, li hu dritt fundamentali. Ħafna mill-faqar u l-miżerja li jeżistu fid-dinja hu riżultat ta’ nuqqas ta’ demokrazija. Id-drittijiet tal-ħafna jiġu miċħuda biex igawdu l-ftit. Dawn il-ftit jaslu biex jiddominaw jew politikament jew ekonomikament, hekk li jseħħilhom jistagħnew b’mod esaġerat filwaqt li jċaħħdu lil ħafna minn dak li hu essenzjali għal ħajjithom u nispiċċaw bi 22,000 tifel u tifla jmutu bil-ġuħ kuljum. Il-globalizzazzjoni kultant qed isservi ta’ vantaġġ għal dan l-isfruttament, u f’dan ix-xenarju l-komunikazzjoni soċjali mhux qed jirnexxilha twassal biex tinħoloq dinja aktar ġusta, hekk li l-iżvilupp uman jilħaq lil kull bniedem li hawn fid-dinja.
B’sodisfazzjon ngħid li f’Malta, l-Knisja dejjem kienet minn ta’ quddiem fil-promozzjoni umana, anzi kienet pijunira f’ħafna aspetti tal-ħarsien soċjali. Il-Knisja Maltija kkomunikat b’leħinha u kkomunikat bl-imħabba. Il-Knisja, fis-soċjetà tagħna qatt ma naqset li ssemma’ leħinha tul iż-żminijiet biex jiġu mħarsa l-valuri fundamentali għall-ġid komuni, imma wkoll ħadmet bis-sħiħ u b’mod konkret biex tieqaf mal-fqir u l-batut, u ma’ kull min ikollu bżonn l-għajnuna.
F’dinja sekolarizzata, u f’soċjetà pluralista, kulma titlob il-Knisja hu li leħinha jkun fost l-ilħna l-oħra li jinstemgħu fis-soċjetà. Ma titlobx privileġġi u vantaġġi, imma d-dritt li għandu kulħadd skont il-prinċipju tad-demokrazija. Dan id-dritt qatt ma jiġi miċħud espliċitament. Imma jekk fl-istess waqt li l-Knisja titkellem, tiġi attakkata fuq ħwejjeġ oħra biex tiġi miskreditata, b’tali mod li dak li tkun qed tinsisti fuqu jitlef is-saħħa tiegħu, din tkun politika sekularista, li ċċaħħad lill-Knisja li taqdi dmirha fis-soċjetà li fiha tkun qed taħdem. Knisja li tikkomunika bl-imħabba, fil-ġid li tagħmel ma’ kulħadd, ġid li jmur ukoll lil hinn minn xtutna bil-missjunarji tagħha, tixtieq li tkun tista’ tikkomunika b’leħinha b’mod ħieles mingħajr ma jkun hemm min jipprova jħammiġha biex isikkitha.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta