Is-Sibt, 12 ta’ Frar 2011, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ipparteċipa f’ konferenza organizzata mil-grupp ta’ żgħażagħ LINK (Qormi, San Ġorġ) u l-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ bit-tema ‘Il-Familja: Diversita’, Sforz u Sagrifiċċju’. Din il-konferenza li saret fis-sala taċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni, Birkirkara, kienet waħda mill-attivitajiet fl-okkażjoni ta’ ĠimgħaŻwieġ.
Waqt il-konferenza ġew diskussi diversi temi marbuta mal-familja fosthom kif il-Knisja tħares lejn il-familja, kif familja b’saħħitha twassal għal soċjetà b’saħħitha u l-effett fuq it-tfal f’każ li l-ġenituri jkunu għaddejjin minn kriżi.
L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. li attenda għal diversi worskhops li saru fost iż-żgħażagħ saħaq li fis-soċjeta’ hawn bżonn aktar messaġġi favur il-familja. Mons. Cremona qal li l-kultura favur iż-żwieġ ma tistax tittieħed forgranted u emfasizza li ż-żwieġ għandu jingħata iktar promozzjoni, kemm qalb iż-żgħażagħ kif ukoll fost it-tfal.
Matul is-seminar tkellem fost oħrajn Fr.Brendan Gatt li qabbel il-familja ma’ xi ħaġa nobbli bħad-deheb. Fr Gatt qal ukoll li l-viżjoni tal-Knisja dwar il-familja hi mibnija fuq il-viżjoni tal-bniedem.
Waqt is-seminar tkellmet ukoll Dr Rita Borg Xuereb, President tal-Kummissjoni Djoċesana Familja, li fissret kif li tgħix f’kuntest ta’ familja mhux neċessarjament hija xi ħaġa faċli. Hija kkwotat diversi statistiċi fejn ġie introdott id-divorzju, fosthom l-Irlanda, li juru li dan effettwa r-rata ta’ żwiġijiet fil-pajjiż. Dr Borg Xuereb qalet ukoll li l-komunikazzjoni bejn il-koppja hija fundamentali.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]