L-Erbgħa 11 ta’ Jannar 2012 – il-Konkors Kanzunetta JDŻ huwa uffiċjalment miftuħ. Bands lokali jistgħu jieħdu sehem billi jdaħħlu kompożizzjoni oriġinali dwar it-tema: “Ifirħu dejjem fil-Mulej” (Fil 4,4).
Il-Konkors Kanzunetta JDŻ jagħti l-opportunità lill-mużiċisti nsara biex jiltaqgħu b’mod ġdid mal-Kelma ta’ Alla. Kull sena, il-Papa jipproponi liż-żgħażagħ vers mill-iskrittura biex dawn jirreflettu fuqu, u mbagħad, jiċċelebrawh nhar Ħadd il-Palm – il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Il-mużiċisti huma mħeġġa li jħallu t-tema tispirahom biex jiktbu kanzunetti li jesprimu tifsira aktar profonda tagħha.
Din hija is-sitt edizzjoni tal-Konkors, li matul is-snin li għaddew ra il-parteċipazzjoni ta’ ‘l fuq minn 20 band differenti. L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħin sas-17 ta’ Frar u l-Konkors innifsu se jittella’ nhar il-25 ta’ Marzu.
Il-Konkors Kanzunetta JDŻ huwa kkoordinat mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ. Għall-informazzjoni kollha ibgħat messaġġ fuq [email protected].