Gabriel Lia u Miguela Xuereb għal Newsbook Malta

Iż-żmien sabiħ speċjalment meta mgħix għas-servizz tal-oħrajn.

Ħajjet is-Soru Dumnikana Melania Albani li riċentament għalqet 100 sena xhieda ta’ dan kollu.

Hi serviet l-Awstralja, għamlet 10 snin Ruma, ħadmet l-Ingilterra, telgħet tliet darbiet Lourdes u darba minnhom kienet qed tassisti lill-morda imma fost l-isbaħ memorji li għandha hu l-assistenza li offriet fit-twelid tal-ulied.

Newsbook Malta ltaqa’ magħha fl-Apap Institue fejn ilha tgħix għal dawn l-aħħar 26 sena. Mara li tħobb titbissem. Tpoġġi u nagħtu bidu għal intervista sempliċi u sabiħa f’kamritha; bir-radju biswit is-sodda, inkwatru tal-Qalb ta’ Ġesù fuq l-istess sodda, ħafna kotba spiritwali u l-għasafar tal-bejt inaqqru l-biċċiet tal-ħobż li tħallilhom fuq ħoġor it-tieqa. Drawwa riċenti li tnebbaħha kemm Alla kien providenti magħha.

Jisimha propja Maria, biss għażlet l-isem ta’ Melania meta ngħaqdet mas-Sorijiet Dumnikani. Trabbiet Bormla f’familja ta’ tmien ulied imma kibret fl-imħabba u għożża. Il-valuri Nsara rċiviethom mill-familja li kienet waħda reliġjuża, ma kinux jitilfu quddiesa u tqarbina filwaqt li nhar ta’ Ġimgħa kienu jqerru. Tiftakar tfulija sabiħa, kienu jitimgħuha tajjeb. Naqbduha fuq l-ikel. Dak iż-żmien il-kosksu biss ma kinitx tiekol. Illum tiekol kollox imma l-ikel favorit il-platt Taljan tal-lażanja. Minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija kien marru jgħixu ż-Żurrieq, imbagħad wara marru Birżebbuġa u fl-1974 hi daħlet soru.

Tkellmet magħna dwar in-novizzjat, kif kienet matron u kif professur barrani qalilha li hi kienet aqwa minnu!

Kienet maħbuba ħafna mill-ġenituri meta kienet tassisti fil-ġinekoloġija u tassisti fit-twelid tat-trabi. Hi kienet tintalab tgħammed lil dawk it-trabi li jkunu f’riskju li jitilfu ħajjithom, tiftakar li minn dawn iċ-ċirkostanzi kien hemm madwar sitta żgur. Temmen li fit-tbatija l-Mulej ikun mal-ġenituri u li ladarba jkollhom it-tarbija f’idejhom il-ferħ ikun kbir u bħal donnu jinsew it-tbatija tat-tqala. Tkellmet magħna wkoll iż-żmien tagħha l-Awstralja u kif kienet tgħin madwar 50 pazjent.

Sr Melania ltaqgħet ma’ tliet papiet u titkellem dwar is-sbuħija tal-ġonna tal-Vatikan.

Mistoqsija dwar il-ġurnata tipika tagħha hi qalet li din tikkonsisti fil-quddies, kolazzjon, l-uffiċċju divin u l-għasar ta’ filgħaxija barra dak il-ħin ta’ mistrieħ ta’ waranofsinhar imma tħobb tagħmel ix-xogħol tad-dar hi stess.

It-talb l-aktar ħaġa prezzjuż għaliha, “mingħajr it-talb ma ngħaddix” stqarret hi u titkellem b’ħeġġa dwar il-providenza t’Alla filwaqt li żiedet tgħid li qatt ma kienu bil-ġuħ u kif bħala kap kellha ħafna tlugħ u nżul imma l-Mulej dejjem taha l-għajnuna u qatt ma għabbieha b’aktar minn kemm kienet tiflaħ.

Ta’ 100 sena tħossha tajjeb ħafna. Is-sigriet? “Ma nafx… dejjem kont ferħana, kuntenta fir-reliġjon.” Il-ferħ tagħha evidenti.

Għaċ-ċelebrazzjoni tal-100 sena hi ma xtaqet xejn għajr quddiesa u l-Madre Sr Georgina Sultana stiednet lil Monsinjur George Frendo biex jiċċelebra l-quddiesa u wara kellhom riċeviment żgħir li lil Sr Melania ferraħha ħafna.

Dwar għandhiex xi xewqa partikolari hi qalet li dak li kellha tagħmel dejjem għamlitu, biss ix-xewqa tagħha hija li jkun hawn aktar vokazzjonijiet, “ikunu kuntenti żgur, konna naħdmu lejl u nhar għax kienet tinqala’ xi ċesarja billejl imma kienet parti mill-vokazzjoni la kienet infermiera.”

Titlob ħafna għall-vokazzjonijiet għax konxja ta’ kemm il-vokazzjonijiet qed jonqsu speċjalment fl-ordnijiet tas-sorijiet.

Temmet tgħid, “Ġesù hawn tant tfajliet, ħadd minnhom ma jiġi warajk?”

Sors: Newsbook Malta