Il-Caritas Malta qiegħda torganizza korsijiet f’diversi parroċċi madwar Malta biex tgħin familji jaddottaw u jżommu stil ta’ ħajja sostenibbli. Dawk li jattendu dawn il-korsijiet jeżaminaw il-mod kif immexxu l-ħajja tagħhom u djarhom u kif jistgħu itejjbu l-kwalità tal-ħajja bil-mezzi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom.
Il-korsijiet qed jitmexxew mill-Home Economists in Action (HEIA), li tiġbor fiha edukaturi professjonali tal-Home Economics. Wara laqgħat mal-Caritas Malta dwar l-iskop ta’ dawn il-korsijiet, l-edukaturi tal-HEiA fasslu programm imsejjaħ Bi ftit ħsieb . . . Għażliet Għaqlin għal Stil ta’ Ħajja Aħjar. Mifruxa fuq fuq disgħa sessjonijiet ta’ waħda fil-ġimgħa, il-korsijiet jiffokaw fuq diversi temi, fosthom l-ibbaġittjar fil-familja, x- xiri bil-għaqal, ikel nutrittiv u ekonomiku, l-użu meqjus tad-dawl u l-ilma, l-għażla ta’ attivitajiet għal waqt ħin liberu, u t-tfassil ta’ miri għal stil ta’ ħajja sotenibbli. Matul il-korsijiet, l-edukaturi jiltaqghu individwalment ma’ dawk li jattendu u jiddiskutu magħhom kif il-kontenut tal-kors jista’ jkun addottat għal ċirkostanzi ndividwali.
Kelliemi għall-Caritas Malta qal li dawn il-korsijiet huma parti mill-Proġett għal Stil ta’ Ħajja Sostenibbli (Sustainable Lifestyles Project), li huwa ffinanzjat mill-Malta Community Chest Fund u l-Caritas. Dan il-proġett huwa bbażat fuq riċerka li saħħet l-għarfien li l-mod ta’ kif jittiehdu deċiżjonijiet important fil-ħajja tal-familja jistgħu idaħħlu l-familja fl-inkwiet jekk ma jkunux jaqblu mar-riżorsi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, fosthom dawk finanzjarji. Aspetti kritiċi oħra li jistgħu iwasslu għal diżgwid jinkludu l-għażla tal-prijoritajiet u l-attitudni lejn kif persuna tmexxi ħajjitha u darha.
Il-kelliemi qal ukoll li l-korisijiet huma miftuha għal kull tip ta’ familja, kien x’kien il-livell tal-għixien u l-edukazzjoni tagħhom.
Persuni li attendew dawn il-korsijiet qalu li addottaw diversi punti li ħargu mis-sessjonijiet u apprezzaw l-esperjenza li jaqsmu ma’ ħaddieħor prattiċi li kienu jużaw huma stess fi djarhom. Kollox ma’ kollox, kienu sabu li b’irfinar tal-mod kif jimxu, setgħu itejjbu l-istil tal-ħajja tagħhom u tal-familja wkoll.
Il-Kappillani tal-parroċċi fejn isiru dawn il-korsijiet għandhom rwol imporanti biex, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Djakonija tal-lokal, iħajjru u jidentifikaw persuni u familji li jistgħu jibbenefikaw mill-korisjiet, u jipprovdu l-post fejn isiru. S’issa saru korsijiet bħal dawn saru f’Ħaż-Żebbug, il-Hamrun, il-Mosta, Ħal Tarxien u Marsaxlokk. Korsijiet oħra se jsiru fix-xhur li ġejjin f’parroċċi li jitolbuhom jew li jkunu lesti li jilqgħuhom.