Nhar il-Ħamis 25 ta’ Marzu, Patri Mario Attard OFM Cap, Patri Franġikan Kapuċċin, ħareġ ktieb ġdid bl-isem Ilħna mill-Onkoloġija.
Bħala wieħed mill-kappillani taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, Patri Mario kuljum jara ħafna tbatija ta’ dawk kollha li għaddejjin mill-vjaġġ iebes tal-marda tal-kanċer. Bħalma nafu din il-marda tolqot mhux biss lill-persuna fid-dimensjonijiet kollha tagħha imma wkoll lill-għeżież familjari tagħha.
Għalhekk, f’dan il-ktieb, Patri Mario jitħaddet mill-esperjenza tad-dinja tal-onkoloġija. Hu jibda minn dak li jgħaddi l-pazjent u l-familja tiegħu u jispiċċa f’dak kollu li jseħħ fiċ-ċentru pnkoloġiku u anki fl-esperjenza tiegħu bħala kappillan. F’kelma waħda, għal Patri Mario, iċ-Ċentru Onkoloġiku Sir Anthony Mamo u l-alma mater tiegħu, il-post minn fejn jirċievi l-edukazzjoni sħiħa tiegħu bħala bniedem, bniedem ikkonsagrat u anki kappillan tal-isptar.
Patri Mario jara l-ħajja mill-lenti onkoloġika kemm l-għaliex hu pazjent tal-onkoloġija u kemm l-għaliex iqatta’ ħafna ħin minn ħajtu, skont il-kariżma Franġikan Kapuċċin, ma’ ħutna l-morda, il-familjari tagħhom u l-membri tal-istaff fiċ-Ċentru Onkoloġiku.
Il-ktieb, li hu ta’ 82 paġna, jista’ jinkiseb mill-Uffiċċju tal-MUMN, Les Lapin, Court B, Flt 3 Independence Avenue Mosta, MST 9022. Tistgħu tibgħatu email fuq [email protected]
Donazzjoni ta’ €10 hi apprezzata.