Ix-xewqa li tiskopri ‘l Alla tinsab integrata f’kull bniedem, anki f’min ma jemminx, qal il-Papa Benedittu XVI. Importanti pero li l-bniedem mhux biss ifittex ‘l Alla meta jeħtieġu, imma jagħtih l-ispazju fil-ħajja mgħaġġla tiegħu, kompla l-Papa waqt l-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa, din il-ġimgħa fis-sala Pawlu VI fil-Vatikan.
Fi tmiem l-udjenza, il-Papa sellem ukoll lis-Segretarju l-ġdid tad-difiża għall-Istati Uniti tal-Amerika, Leon Panetta, li trabba f’ambjent kattoliku. Dan waqt il-mument magħruf bħala ‘baciamano’, li matulu tingħata tislima personali mill-Papa lil numru ta’ persuni magħżula, minflok udjenza privata magħhom. Il-Papa tkellem fit-tul mal-ex direttur taċ-CIA. Panetta kien Ruma bħala parti minn sensiela ta’ mawriet li qed jagħmel fl-Ewropa biex jiltaqa’ ma’ Ministri tad-difiża biex magħhom jiddiskuti konflitti fl-Afganistan u f’Mali.
Matul il-katekeżi tiegħu ddedikata għas-sena tal-fidi, il-Papa qal li “ix-xewqa biex wieħed tassew isir jaf ‘l Alla, jara ‘l Alla, tinsab f’kull bniedem, inklużi l-ateji”. Temm jgħid li tista’ tkun saħansitra xewqa fis-subkonxju tal-bniedem sempliċiment biex ikun jaf “min hu Alla, xi jfisser għall-bniedem”.