L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Ħamsa u sebgħin sena mhumiex ftit. Huwa numru ta’ snin tassew sabiħ! Għalhekk illum flimkien qegħdin ngħidu grazzi lil Alla ta’ dawn is-snin kollha minn meta l-Patrijiet Karmelitani bdew, proprju bħal-lum 75 sena ilu, il-ħidma tagħhom edukattiva permezz tal-iskola li mbagħad tul is-snin żviluppat f’Mount Carmel College u iktar tard f’St Elias College.

Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dawk kollha li tul is-snin taw sehemhom hawnhekk u qegħdin jagħtu sehemhom illum: tal-Patrijiet Karmelitani, tal-istaff, tal-istudenti kollha li ħadu sehem f’dawn is-snin u anke llum qegħdin flimkien miġburin jiċċelebraw dan l-anniversarju importanti.

Il-mission statement tal-iskola

Nixtieq li l-messaġġ li nagħti jkun marbut mal-mission statement tagħkom. Kif tidħlu hawnhekk l-iskola mill-ewwel taraw miktub il-mission statement. Dan jinkludi l-għanijiet u l-valuri l-iktar importanti li għandhom immexxukom fis-snin tal-iskola. U xtaqt insemmi tliet affarijiet li hemm f’dan il-mission statement li narahom importanti ħafna u li tajjeb li aħna nifhmuhom, napprezzawhom, nagħmluhom ilkoll tagħna.

Komunità ta’ tagħlim

L-ewwel nett li l-iskola tkun “komunità ta’ tagħlim”. Ħa nitkellem fuq it-tagħlim. Kemm huwa importanti li intom tapprezzaw it-tagħlim fl-aspetti differenti tiegħu. Tagħlim, kif hemm miktub, li jasal permezz ta’ esperjenzi akkademiċi, kulturali, reliġjużi, kreattivi, sportivi u soċjali. Dawn kollha jgħinukom biex tikbru tassew, tiffurmaw ruħkom bħala studenti f’dan il-kulleġġ. U kollha huma importanti; għalhekk hija edukazzjoni ħolistika, sħiħa bl-aspetti differenti tagħha.

Nixtieq li intom tqiegħdu fil-qalba dak li hu l-iktar importanti u li għandu jmexxikom. Ħa nsemmi l-eżempju tal-profeta Elija, għax dan il-kulleġġ huwa msemmi għalih. Il-profeta Elija kien magħruf kemm kellu mħabba kbira lejn Alla, qalbu tfur b’din l-imħabba lejn Alla u l-preżenza tiegħu; fl-istess waqt nagħrfu kemm kien jaħdem kontra l-inġustizzji u favur dawk kollha li jbatu minħabba xi forma ta’ inġustizzja, jew minħabba l-vjolenza.  

Il-profeta Elija għaqqad flimkien, b’mod sabiħ ħafna, l-imħabba lejn Alla u l-impenn tiegħu wkoll fis-soċjetà ta’ żmienu. Nixtieq li t-tagħlim jgħinkom, fl-aspetti differenti tiegħu, biex intom ikollkom fil-qalba tal-ħajja tagħkom din l-imħabba kbira lejn Alla u l-preżenza tiegħu f’ħajjitkom; u li dan jgħinkom biex imbagħad tagħtu s-sehem u l-kontribut importanti tagħkom fis-soċjetà Maltija tal-lum u ta’ għada u speċjalment billi tgħixu valuri importanti bħalma huma l-ġustizzja, l-onestà, l-imħabba u r-rispett lejn l-oħrajn.    

Tqis lil kulħadd bħala wild ta’ Alla

It-tieni ħaġa li xtaqt insemmi mill-mission statement hi din is-silta: komunità ta’ tagħlim “li tqis lil kulħadd bħala wild ta’ Alla”. Iktar ’il quddiem hemm: “kull bniedem għandu valur importanti”. Jien nixtieq ħafna li tkomplu dan l-spirtu fil-kulleġġ biex intom tqisu lil kull persuna hawnhekk – allura tibdew minn sħabkom, mill-għalliema tagħkom, min kull min jaħdem hawn – kulħadd, kull persuna hija importanti, kull persuna għandha valur. U tidraw tħarsu lejn kull persuna kif inhi bħala wild ta’ Alla, maħluqa xbieha ta’ Alla, hi min hi u hi kif inhi. Jiġifieri jekk tara lil xi ħadd, pereżempju, li l-ġilda tiegħu mhijiex bħal tiegħek – hawn min hu abjad, hawn min hu kannella, jew iswed, u hawn min hu ftit differenti – kull persuna hija xbieha ta’ Alla, hu min hu, hi min hi. U hawnhekk it-tagħlim jgħinkom biex intom tapprezzaw dan u tqisu tassew lil kulħadd, kull persuna bħala xbieha ta’ Alla. Alla jħobb lil kull persuna u aħna hekk għandna nagħmlu, u nirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna, hi min hi. Nagħmlu dan bil-mod kif nitkellmu ma’ xulxin u fuq xulxin. Dan jgħinkom biex ir-rispett li turu hawn lil xulxin imbagħad turuh ’il barra mill-iskola illum u fis-snin li ġejjin, tkunu  fejn tkunu.  Kemm għandna bżonn li nikbru f’ċittadini li nirrispettaw lil xulxin bid-differenzi li hemm f’kull persuna bħala xbieha ta’ Alla u wild Alla. Nuri rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna.

Ambjent ta’ familja

It-tielet ħaġa li xtaqt insemmi – li hemm f’dan il-mission statement – hu l-kliem: “f’ambjent ta’ familja”. Kemm hu importanti li hawnhekk fl-iskola – kif naf – qed tagħmlu ħilitkom biex tkunu tassew komunità b’ambjent ta’ familja. Allura din il-familja tgħinkom biex tikbru. Dan l-ambjent ta’ familja jgħinek tħoss tassew li min hu miegħek fil-klassi u min hu miegħek fl-iskola f’xi sena oħra, u anke l-għalliema u l-istaff, kollha qegħdin jagħtu sehemhom biex ikun hemm ambjent ta’ għaqda flimkien. Dan ikun jidher imbagħad ukoll fil-mod kif aħna nittrattaw lil xulxin hawnhekk, nitkellmu fuq xulxin. Iktar ma noħolqu dan l-ambjent sabiħ ta’ familja, iktar tkun tassew skola kif għandha tkun l-iskola tal-Knisja. Dan jgħinna biex nifhmu li l-Knisja hi familja wkoll. L-iskola tgħinna niftakru li l-Knisja hija familja li tiġborna flimkien u li aħna għalhekk għandna nagħtu sehemna tassew għal din il-familja u ngħożżuha dejjem f’qalbna.

Grazzi

Din tkun it-talba li nagħmlu għalikom illum. Filwaqt li nirringrazzjaw ħafna lil Alla ta’ dawn is-snin, nitolbu ħafna għalikom għas-snin li ġejjin u speċjalment nitolbu li tkunu tħobbu t-tagħlim li jgħinkom fil-ħajja; li tħarsu lejn kull wieħed minn sħabkom hawn u l-persuni kollha li hawn bħala xbieha ta’ Alla, ulied Alla li jistħoqqilhom d-dinjità u r-rispett; u li taħdmu wkoll biex l-iskola tkun tassew ambjent ta’ familja li tgħaqqadkom flimkien bħala wlied Alla. Dak li jgħaqqadna flimkien hi l-imħabba li Alla jnissel f’qalbna li mbagħad naqsmuha mal-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
Isqof Awżiljarju