L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Illejla smajna l-Evanġelju fejn Ġesù juża l-kelma ‘drakma’, l-istess kelma li 20 sena ilu kienet ispirazzjoni biex jinbeda dan il-grupp u l-persuni LGBTIQ+ kif ukoll l-ġenituri tagħhom ikollhom xi ħaġa li tgħaqqadhom. Id-‘drakma’ hija xi ħaġa prezzjuża, hija xi ħaġa ta’ min ifittixha u li meta ssibha tagħmel festa. Hija wkoll stedina biex tgħix ħajtek b’mod rikonċiljat u f’imħabba matura. Nixtieq li kull wieħed u waħda minna jkollu din il-persważjoni li hu prezzjuż.

Il-qari li smajna mill-Ktieb tal-Għerf u mis-Salm jgħallmuna din il-ħaġa. Kulma ħalaq Alla huwa tajjeb, u Alla jixtieq il-ħajja u mhux il-mewt għall-ħlejjaq tiegħu, għax Alla huwa ħaj u veru, u huwa mħabba. Meta jħares lejna, jarana bħala wlied għeżież tiegħu. Il-kelma li qal fuq Ibnu, fuq it-Tabor, imma anke antiċipatament fil-magħmudija, “Dan hu ibni l-għażiż” (Mk 9:7), hija kelma li l-Mulej jgħidha wkoll fuq kull wieħed u waħda minna. Id-drakma hija prezzjuża, id-drakma hija ta’ min ifittixha.

Kif nafu, il-parrabbola tad-drakma ġejja mill-kapitlu 15 ta’ San Luqa, dan l-innu tal-ħniena ta’ Alla li ma fihx din il-parabbola biss iżda fih ukoll il-parrabbola tal-Iben il-Ħali u l-parrabbola tan-nagħġa l-mitlufa. Hu u jiddjaloga ma’ min jaħseb li huwa xi ħaġa aħjar minn ħaddieħor, il-Mulej juża tixbihat. Kapitlu 15 jibda proprju hekk, bir-relazzjoni ta’ Ġesù, ma’ min kien jaħseb li kien aħjar minn ħaddieħor. Imma l-Mulej, bil-parrabboli tal-ħniena tal-Missier, jgħallimna li aħna wlied tal-istess Missier, fratelli tutti, u kulħadd hu msejjaħ għall-imħabba, skont il-vokazzjoni tiegħu u skont kif inhu magħmul.

Ta’ min infittxu d-drakma għax Alla jfittxek dejjem u jħallik issibu. It-tixbiha ta’ dik “il-mara li jkollha għaxar drakmiet (muniti) u titlef waħda minnhom” (Lq 15:8), 10% tal-investiment tagħha; u tiknes kullimkien biex issibha. Meta ssibha tagħmel festa u nispera li ma nefqitx drakma biex tiċċelebra li sabet drakma! Din il-ħaġa dejjem baqqgħet mistoqsija għax nafx kemm nefqet flus biex iċċelebrat li sabet drakma.

Iżda l-punt li jrid iwassal Ġesù mhuwiex fuq kemm nefqet flus biex tagħmel festa iżda li tajjeb wieħed jifraħ meta jerġa’ jsib xi ħaġa prezzjuża li tkun tbiegħdet jew li ma jistax jaraha. Instabet bil-ħarsa ta’ ħniena, bil-ħarsa ta’ mħabba, bil-ħerqa li fejn kien hemm għaxra, ma jkunx hemm disa’, imma jkun hemm kulħadd. Din hi l-enfasi tal-Papa Franġisku fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ meta bl-Ispanjol jgħidilhom ‘todos, todos, todos’  (kulħadd, kulħadd, kulħadd). Fl-integrità ta’ dawk l-għaxra, hemm din il-ħerqa ta’ Alla li jarana lkoll flimkien, ilkoll aħwa, ilkoll nirrispettaw lil xulxin; naċċettaw lil xulxin ta’ aħwa; u nilqgħu lil xulxin bħala rigal prezzjuż. Hekk ikollna fuq xulxin il-ħarsa tal-Mulej.

Imma ‘drakma’ fil-kuntest tal-parrabbola ta’ Ġesù hija wkoll okkażjoni ta’ festa. Ejjew allura nifirħu b’xulxin u niċċelebraw lil xulxin imma bil-kompassjoni ta’ bejnietna noħolqu spazju fejn il-ferħ tagħna jkun veru, u mhux l-entużjamu ta’ ftit mumenti; imma serħan tal-qalb ta’ min iħossu aċċettat, maħbub, mifhum, apprezzat; din tkun il-vera festa.

Ir-raba’ punt, id-drakma hija stedina li nkunu rikonċiljati. L-aħwa, l-ewwelnett irirdu nkunu rikonċiljati magħna nfusna. Inti tħobb lilek innifsek? Inti rikonċiljat miegħek innifsek? Inti rikonċiljat mal-istorja ta’ ħajtek? Inti rikonċiljat mal-persuni li l-Mulej laqgħek magħhom? Jista’ jkun li bil-laqgħat ta’ bejnietna nweġġgħu lil xulxin, ninqdew b’xulxin u nisfruttaw lil xulxin.

Liż-żgħażagħ inħobb nispjegalhom xi ħaġa li tgħallimt meta kont għadni saċerdot żagħżugħ, u baqgħet miegħi għax impressjonatni: Life is mixed of love, infatutation, friendship and exploitation. Hemm il-pożittiv u negattiv fil-ħajja. Din hija l-istorja ta’ ħajjitna u tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Irridu nkunu rikonċiljati mal-passat tagħna u ma’ dak li għaġġina biex aħna jkollna serħan il-qalb u l-moħħ.

L-aħwa, imma irridu nkunu rikonċiljati wkoll ma’ Alla. Aħna ħafna drabi nwaħħlu fih, bħalma l-ulied iwaħħlu fil-ġenituri. Ħafna drabi għandna bżonn inkunu rikonċiljati mal-Missier tas-sema. Kultant jiġi mumenti fejn tixtieqek tkun differenti. Imma mhux aħjar tkun rikonċiljat ma’ Alla li ħalqek u li jħobbok?  Il-ħarsa tiegħu hija dik li tagħtik verament il-ferħ li ma jeħodhulek ħadd, il-paċi tal-qalb.

Imbagħad l-aħwa, irridu nkunu rikonċiljati ma’ xulxin. Rikonċiljati  mas-soċjetà li mhux dejjem tifhimna; rikonċiljati anke mal-Knisja, li kultant fil-konfront ta’ wħud minna użat tikketti u kliem aħrax u iebes. Ovvjament, il-konverżjoni mhix one way; il-konverżjoni trid tkun ukoll two way. Allura nitolbu wkoll, li l-Knisja jkollha l-qalb tal-Mulej. Wara kollox din hija t-talba li aħna tlabna l-Ħadd li għadda, u li qegħdin nitolbu din il-ġimgħa, fl-24 Ġimgħa ta’ Matul is-sena: ‘Ħares lejna, o Alla, li toħloq u tmexxi kollox, u agħtina li naqduk  b’qalbna kollha biex inġarrbu l-qawwa tal-ħniena tiegħek’. Għax Alla mhuwiex artab fil-ħniena tiegħu, Alla juri l-qawwa tiegħu fil-ħniena tiegħu.

Il-Mulej jagħtina l-grazzja li nġarrbu l-qawwa tal-ħniena tiegħu; il-ħniena li radikalment tista’ tbiddilna u tagħtina l-qawwa li fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna u fl-imħabbiet tagħna naslu għal dik il-maturità li mill-infatwazzjoni ngħaddu għall-imħabba; li minflok sfruttament ikun hemm veru ħbiberija. Tinsewx li l-ħajja hija taħlita ta’ dan kollu. Il-Mulej iwassalna mid-dlam għad-dawl, mill-għarfien għal veru għerf.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 11:22-12:1
Salm: 139
L-Evanġelju: Luqa 15: 8-10