Ilbieraħ fetħet is-sessjoni plenarja annwali tal-Kummissjoni Bibblika Potinfiċja, li se ttul sal-Ġimgħa u li qed issir fid- Domus Sanctae Marthae fil-Vatikan taħt il-presidenza tal-Kardinal William Joseph Levada, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Qed imexxi s-sessjoni s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, il-Ġiżwita Klemens Stock.
Il-parteċipanti qed jirriflettu dwar it-tema ‘L-Ispirazzjoni u l-Verita fil-Bibbja’.
Fl-ewwel stadju tal-eżaminazzjoni tas-suġġett, il-Kummissjoni għażlet li tiffoka l-attenzjoni fuq il-mod kif huma rivelati l-Ispirazzjoni u l-Verita fl-Iskrittura Mqaddsa. Abbażi tal-kompetenzi personali tagħhom, il-parteċipanti kollha se jkunu qed jippreżentaw rapport li jkun eventwalment diskuss mill-assemblea kollha.