L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù kien għamel l-esperjenza tal-missjoni tiegħu, u beda jgħallem u jfejjaq. Fl-Evanġelji tal-Ħdud li għaddew, rajna lil Ġesù jterraq fil-Galilija, ifejjaq u saħansitra jqajjem mill-imwiet lit-tifla ta’ Ġajru. Illum mar fir-raħal fejn trabba u jħoss li ma jilqgħuhx. L-urġenza li jwassal l-aħbar it-tajba tas-saltna tal-Missier hi qawwija ħafna; u jagħżel li jsieħeb miegħu wħud mid-dixxipli, minn dawk li kienu qegħdin isegwuh, li l-komunità bdiet issejħilhom it-Tnax, “u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena” (Mk 6:7).

Imma l-esperjenza tiegħu, se tkun l-esperjenza tagħhom. Il-missjoni tagħhom hi urġenti, m’hemmx għalfejn jitgħabbew b’ħafna toqol għat-triq. “U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi” (Mk 6:8-9). Il-missjoni tagħhom hi urġenti, u tista’ tintemm malajr. Għandhom bżonn jagħmlu dak li għandhom jagħmlu u jirritornaw lejh. Imma javżhom li se jkun hemm min jilqagħhom u ħa jkun hemm ukoll min ma jilqagħhomx. Fi kliem ieħor, kif ittrattaw lilu, hekk se jittrattaw lilhom ukoll.

Kemm u faċli nippuntaw subgħajna lejn xulxin; imma dawn is-swaba’ qatt ma jgħajjew jippuntaw ’il barra? Kemm tkun ħaġa sabiħa li minflok nipponta suba’, nieqaf, niskot u nħobb?

Għażiż Fr Joe, inti u tibda l-missjoni tiegħek, f’din il-parroċċa tagħna, bħala kappillan tagħna; nitolbu għalik, għaliex il-Mulej qed issejjaħlek mil-qrib biex tissieħeb fil-missjoni tiegħu; biex twassal lil kull wieħed u kull waħda minna dak il-messaġġ sempliċi, imma impenjattiv, dik li aħna nindmu. “Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu” (Mk 6:12). Il-Mulej qiegħed jagħtik il-qawwa, is-sagrament tal-Qrar, is-sagrament il-kbir tal-magħmudija, u bid-dilka tal-morda, li inti tirbaħ fuq il-jasar tal-għadu, u tħoll u torbot. “Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom” (Mk 6:12-13).

Il-Papa Franġisku dalgħodu, mit-tieqa tal-Isptar Gemelli, ta interpretazzjoni profonda ta’ dan iż-żejt: “dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom” (Mk 6:13). Għadha ma bdietx l-esperjenza tas-sagramenti, għax il-Mulej għadu mad-dixxipli; is-sagramenti jibdew mal-qawmien tal-Mulej u mat-tlugħ tiegħu fis-sema. Imma b’din id-dilka tal-morda biż-żejt u l-esperjenza tal-fejqan, faċli naraw il-qawwa tas-sagrament tad-dilka tal-morda. Jekk il-preżenza ta’ Ġesù tfejjaq mhux biss fiżikament imma l-iżjed importanti spiritwalment, hekk ukoll jagħmel is-saċerdot bid-dilka tal-morda. Imma l-Papa dalgħodu tkellem fuq dan iż-żejt, bħala ‘ż-żejt tal-għożża’, tat-tenerezza, tal-mogħdrija; iż-żejt ta’ min ikun qrib min hu f’diffikultà, min hu batut; u minflok jitfa’ l-ġebel tal-kundanna u tal-akkuża, idewwi l-ġrieħi, ifejjaq, iħenn, jagħder, iwissi, iħobb.

Għażiż Fr Joe, kun int iż-żejt li l-Mulej iferra’ fuq il-komunità tiegħek; u nitolbu lill-komunità, li tkun għalik ukoll żejt ifuħ, balzmu ta’ għożża, ta’ mħabba, ta’ mogħdrija, u ta’ ħlewwa. Għax jekk ir-ragħaj għandu s-sejħa li jkun preżenza ta’ tenerezza, kelma li jħobb juża ħafna l-Papa Franġisku, jgħid: ‘kompassjoni, tenerezza u viċinanza’. Li inti tkun qrib in-nies u mhux ’il bogħod. Li inti man-nies tħobb magħhom, tbati magħhom, tifraħ magħhom, u turihom il-qalb ħelwa u umli ta’ Ġesù. Imma jekk ir-ragħaj għandu din is-sejħa partikolari, għandu bżonn ukoll il-ħarsa mimlija mogħdrija, mimlija ħlewwa, mimlija mħabba tal-komunità. Għaliex aħna li nidhru quddiemkom bis-setgħa li jagħtina Ġesù, aħna nies dgħajfin, midinba, u midjunin ukoll mal-ħniena t’Alla. Kemm u faċli nippuntaw subgħajna lejn xulxin; imma dawn is-swaba’ qatt ma jgħajjew jippuntaw ’il barra? Kemm tkun ħaġa sabiħa li minflok nipponta suba’, nieqaf, niskot u nħobb?

Fr Joe, inti għandek esperjenza twila, f’diversi oqsma tad-djoċesi. Il-Mulej qed jagħtik sejħa ġdida. U fil-fatt, fiż-żmien u l-għerf, ifakkrek mhux biss fil-qawwa tal-Mulej, imma fid-dgħufija tagħna. Jiena nitolbok tafda wkoll fl-interċessjoni qawwija ta’ Sidtna Marija, li ħdejn is-salib ta’ Binha, nislitna wkoll. Għax Binha seta’ jafda lil oħtha, kien hemm oħtha ħdejn is-salib ta’ Ġesù. L-Evanġelista Ġwanni jgħidilna: “Kienet wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu” (Ġw 19:25); imma Ġesù ma afdahiex lil oħtha; imma afdaha lid-dixxiplu l-maħbub, il-familja l-ġdida tad-dixxipli; u b’hekk aħna wkoll ġejna afdati lilha, kif hi ġiet afdata lilna.

Fl-ittra sabiħa li l-Papa tagħna għal din is-sena dwar il-qalb tal-Missier, hu u jimmedita l-figura straordinarja ta’ San Ġużepp, f’ħin minnhom il-Papa jgħid: ‘il-paternità ta’ San Ġużepp kienet tfisser li b’mod kreattiv, b’mod ġdid, jieħu ħsieb lil omm u lil Binha. Aħna wkoll, waqt li Ġwanni qiegħed jilqa’ l-omm Ġesù għandu, konna hemm, irridu nilqgħu lil Marija għandna u anke lil Binha.’

Il-Papa jispjega li meta tilqa’ lil Ġesù, qiegħed tilqa’ lil kull bniedem, lil kull persuna, hu min hu. Għaliex meta Ġesù jħares lejna ma jgħidx: jien u huma,  imma jgħid: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Lill-Appostlu Missierna, fit-triq ta’ Damasku ma qallux: ‘Sawl, Sawl għaliex qiegħed tippersegwita lid-dixxipli tiegħi’; ma qallux hekk. Imma qallu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4) Għaliex verament Ġesù jifhem magħmul lilu nnifsu dak li għandna nagħmlu lil xulxin.

Fr Joe, kulma tagħmel ma’ dan il-poplu u magħna, Ġesù se jqisu magħmul lilu. Aħna wkoll inwiegħduk it-talb, is-sapport tagħna; b’Sidtna Marija, u b’San Ġużepp u biex ma ninsewx San Franġisk, ikunu mhux biss is-sostenn tiegħek, imma l-qawwa tiegħek f’din il-missjoni ġdida.        

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għamos 7:12-15
Salm: 84 (85), 9ab-10, 11-12, 13-14
Qari II: Efes 1:3-10
Evanġelju: Mk 6:7-13