-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali, il-Birgu
29 ta’ April 2018Għażiż Kanonku Arċipriet, ippermettili li f’din il-ġurnata għażiża naqsam miegħek ftit ħsibijiet ispirati minn din il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna, b’mod speċjali l-Evanġelju li inti għadek kemm ħabbartilna.
Qabel xejn, nixtieq insellem lill-mistednin distinti tiegħek b’mod partikolari lir-rispettabbli Sindku tal-Birgu imma hawn diversi rispettabbli sindki oħrajn li jirrapreżentaw is-soċjetà ċivili. Imma ippermettili nagħmel tislima speċjali u partikolari lill-għażiża mamà tiegħek. Nixtieq nirringrazzjaha f’isimna lkoll mhux biss talli ġabitek fid-dinja imma naf kemm tieħu ħsiebek u ppermettili ngħidlek kemm hija kburija bik. Nirringrazzjak ħafna Sinjura Busuttil.
Illum Ġesù jinsisti ħafna u b’mod qawwi kemm jixtieq li aħna u hu nkunu tassew ħaġa waħda. Jieħu immaġini li għalina l-Medilterranji hija faċli biex nifhmuha. Jien nimmaġinah fuq l-għoljiet tal-Galilija fejn trabba, mhux ’il bogħod minn Nazaret, iħares lejn id-dwieli ta’ dak ir-reġjun bħalma aħna nistgħu nammiraw ukoll id-dwieli fil-kampanja tagħna. Hu jinnota li d-dielja għandha diversi staġuni. Bħalissa tkun qed tarmi l-friegħi ġodda u b’saħħithom li jitħejjew biex jimtlew bil-frott bnin li mbagħad f’Settembru naħsduh u ngħasruh għall-inbid. Imma Ġesù jagħraf ukoll u kien jinnota li meta tiġi x-xitwa, il-bidwi għaqli jrid jiżbor id-dielja għaliex inkella f’dan l-istaġun il-friegħi ma jkunux b’saħħithom u lanqas il-frott.
Ġesù jgħid: “Jiena d-dielja, intom il-friegħi” (Ġw 15:5). Hu jinsisti li l-friegħi qegħdin hemm biex jagħmlu l-frott, li b’dielja mingħajr friegħi mhux se jkollok frott. Aħna għandna bżonn lil Ġesù u hu jgħidilna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; mbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.” (Ġw 15, 5-6).
Imma hu jifhem ukoll li fiż-żminijiet se jagħmel il-frott permezz tagħna. U għalhekk għandu ħerqa kbira li hu jkun fina u aħna nkunu fih (ara Ġw 15:4). Tgħiduli, kif? Hu stess isemmi iż-żewġ elementi li jassiguraw l-għaqda tagħna miegħu. “Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom” (Ġw 15:3). U aħna l-Kelma ta’ Ġesù ma rridux biss nisimgħuha imma rridu wkoll ngħixuha. Il-kliem ta’ Ġesù huwa faċli biex tifhmu imma inqas faċli biex tgħixu.
Jekk nieħdu biss it-tmien kelmiet, dak li aħna nsejħulhom it-tmien barkiet jew il-beatitudnijiet, fihom Ġesù jgħallimna l-valuri li mhumiex il-valuri tad-dinja imma l-valuri tas-saltna tiegħu. Il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika dwar il-qdusija, Gaudete et Exsultate, jagħmel meditazzjoni sabiħa fuq dawn it-tmien barkiet, it-tmien kelmiet li huma tmien valuri tas-Saltna. U aħna waqt li nisimgħu u nifhmu l-Kelma ta’ Ġesù, nitgħallmu wkoll li biex inkunu kapaċi ngħixuha kultant il-Mulej se jiżborna xi ftit. Il-Kelma ta’ Alla stess tliġġimna u tfarraġna imma wkoll iċċanfarna, u hekk tgħaqqadna mal-Mulej.
Il-Mulej illum jitkellem b’mod impliċitu. Din hija xi ħaġa li għallem b’insistenza kbira l-Papa Emeritu Benedittu XVI fil-ktieb tiegħu Ġesù ta’ Nazaret. Il-Mulej għażel immaġini tad-dielja u jifhem ukoll li hu se jitmana l-Ġisem tiegħu imma wkoll se jagħtina b’xorb id-Demm tiegħu taħt l-ispeċi tal-għasir tad-dielja. U allura aħna, biex inkunu miegħu, irridu nkunu wkoll miegħu fil-Misteru tal-Ewkaristija. Il-Misteru tal-Ewkaristja, it-tqarbina li nagħmlu, tgħaqqadna ħaġa waħda ma’ Ġesù.
Għażiż Arċipriet, dan l-Evanġelju li inti għadek kemm xandartilna jkun ukoll il-programm tal-ministeru tiegħek f’din il-parroċċa għażiża, bħalma kien ukoll ispirazzjoni għall-patrun kbir tagħha San Lawrenz. San Lawrenz kien maqgħud ma’ Ġesù għaliex sema’ l-Kelma tiegħu u għexha. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.” (Ġw 12:24). U llum l-Mulej qed jibagħtna biex nagħmlu ħafna frott imma rridu nagħmlu bħal San Lawrenz u nieħdu bis-serjetà l-Kelma tal-Mulej Ġesù. “Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom” (Ġw 15:4).
U hekk ukoll San Lawrenz ħa l-qawwa tiegħu, bħalma jgħallem Santu Wistin, billi tmantna bil-Ħobż Qaddis tas-sema —li huwa l-Ġisem tal-Mulej— u billi xorob id-Demm għażiż mill-mejda tal-Ewkaristija u b’hekk fih kien hemm dik l-imħabba, dik il-karità li wasslitu biex ixerred demmu għall-Mulej sid tiegħu.
Inti trid tkun ir-ragħaj li tmantni l-poplu tiegħek bil-Kelma tal-Mulej Ġesù u bil-Misteru tal-Ewkaristija. Kun int li mhux biss tieħu ħsieb is-sbuħija ta’ dan it-tempju maestuż —kif diġà qiegħed tagħmel u tkompli fuq dak li bdew ta’ qablek— imma wkoll tibni t-tempju li huwa l-komunità; il-komunità li qiegħda tgħaddi minn żviluppi importanti ħafna fit-tessut soċjali u fl-irwol kulturali f’pajjiżna. Wara kollox, il-Belt Vittoriosa kienet waħda mill-ewwel ambjenti li fiha kienu jgħixu l-Maltin, l-ewwel port tal-gżejjer tagħna; kienet il-post minn fejn il-Maltin minn dejjem kienu fi djalogu mal-Mediterran. U l-Birgu u l-Imdina kienu żewġ ċentri essenzjali fit-tessut soċjali tagħna.
U għalhekk aħna nawguraw li l-Belt Vittoriosa jibqa’ jkollha mhux biss futur sabiħ imma wkoll futur li huwa mmarkat bis-sinjal sabiħ tal-għaqda ta’ kull membru tagħha. Kemm jekk ġej mill-bogħod u anke jitkellem b’lingwa differenti, aħna nlaqqgħuh mal-Mulej Ġesù permezz tal-martri u l-konfessuri tiegħu. Aħna nlaqqgħuh ukoll mal-kultura tagħna li hija glorjuża għax mill-bidu ltaqgħet mal-Mulej Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej Ġesù hija attwali ħafna, hija stedina urġenti: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Jista’ jkollna ħafna wegħdiet u ħafna programmi u kollox hu tajjeb u kollox huwa mbierek, imma t-talba tagħna hija li l-ebda programm u l-ebda progress ma jbegħedna mill-Mulej għax hu qalilna ċar u tond: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”.
Jiena nawguralek, għażiż Arċipriet, li flimkien mas-saċerdoti li jgħinuk f’din il-parroċċa u anke mal-kanonċi l-ġodda u mal-kanonċi onorarji, inti tkun tista’ tagħtu xhieda ta’ dak li qed jgħidilna llum il-Mulej Ġesù. U fil-fatt ,filwaqt li nifraħ lill-kanonċi ġodda, inwegħedtkom it-talb tiegħi. Bħalma jagħmel il-Papa Franġisku, nitlobkom titolbu għalija. Kunu mberkin. Viva San Lawrenz.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 9, 26-31
Salm: 21 (22), 26b-27.28.30.31-32
Qari II: 1 Ġw 3, 18-24
Evanġelju: Ġw 15, 1-8
-